Sunday, December 22, 2024

Inizjattiva biex familji jaċċettaw refuġjati Afgani f’darhom

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li hu stmat li xejn inqas minn 3.5 miljun persuni mill-Afganistan kellha taħrab minn darha fl-aħħar xhur, b’ħafna minnhom qed jittantaw jaħarbu mill-pajjiż, l-Unjoni Ewropea qed tlaqqa’ l-esperti tagħha dwar  is-sigurtà  b’rabta mal-possibilità li dak li ġara fl-Afganistan jista’ jwassal għal mewġa ta’ refuġjati lejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Sorsi qalulna li din il-ġimgħa diversi esperti Ewropew bdew jiltaqgħu bejniethom biex janalizzaw l-effetti li jista’ jkun hemm minn mewġa ta’ migrazzjoni. Fl-ewwel diskussjonijiet li saru kien enfasizzat il-bżonn li jkun hemm assistenza ‘adekwata’ għal pajjiżi ġirien tal-Afganistan u dan biex dawn jilqgħu ir-refuġjati. L-istess sorsi qalulna li jidher li hemm tentattivi biex ikun hemm kwoti ta’ refuġjati li jinġabu lejn l-Ewropa. Is-sorsi qalulna li “dan jagħmel sens għax b’hekk wieħed ikun qed ineħħi ir-riskju li dawn ir-refuġjati jispiċċaw f’idejn it-traffikanti u mbagħad ikollhom jagħmlu vjaġġi perikolużi biex jaslu fl-Ewropa.” L-istess sors qalilna li hemm diversi pajjiżi li qed jimbuttaw għal dan fosthom pajjiżi bħal Ġermanja u l-Lussemburgu, fejn dawn qed jagħmlu ċara li l-Unjoni Ewropea għandha tibgħat messaġġ li lest tgħin. L-istess sors qalilna li “argument ieħor qawwi li qed isir fuq kwoti għar-refuġjati hu li b’hekk jintbagħat messaġġ lil Belarus li spiss jużaw ir-refuġjati u t-traffikar tagħhom lejn l-Ewropa bħala tpattija għal sanzjonijiet li saru kontrihom”.

Diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewopea fosthom il-Greċja, l-Awstrija, is-Slovakkja u l-Ungerija għamluha  ċara li mhux lesti jaċċettaw refuġjati Afgani.  L-istess sorsi qalulna li fil-laqgħa issemma’ kif Ċipru u l-Greċja mistennija jitolbu aktar għajnuna fuq il-fruntieri, waqt li l-istess fruntieri issaħħu b’aktar tagħmir teknoloġiku.

Minkejja dan, madwar l-Ewropa qed iqumu movimenti li qed jagħmlu pressjoni biex jiġu aċċettati refuġjati Afgani. Ix-xeni ta’ tbatija li għaddej minnu dan il-poplu, b’eluf kbar iridu jitilqu mill-pajjiż, qed twassal biex għadd ta’ muniċipalitajiet Ġermaniżi qegħdin jitolbu li jkun hemm kwota internazzjonali għal refuġjati Afgani. Din is-sena, qed issib l-appoġġ ta’ għadd ta’ politiċi Ġermaniżi li qed jargumentw li hemm obbligu biex jiġu aċċettati refuġjati Afgani. 

Dawn il-muniċipalitajiet Ġermaniżi qegħdin isejħu biex ikun hemm l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ kwota internazzjonali. Huma qed jargumentaw li dan għandu jsir biex ma jiġrix dak li kien seħħ fil-kriżi tar-refuġjati Sirjani u l-Ġermanja tieħu l-akbar piż waħedha. 

Filfatt il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Ġermaniżi ta’ l-Ibliet u l-Muniċipalitajiet, Gerd Lansberg qal li “irid ikun garantit li l-Ġermanja, li kienet ħadet ammont kbir ta’ refuġjati Sirjani fil-passsat, ma tispiċċax terfa’ hi ukoll din  il-kiżi”.

Jisħaq li hemm gruppi sħaħ ta’ persuni li t-tama tagħhom hi fl-ażil. Jgħid li għal dan għandu jkun hemm ftehim internazzjonali mal-pajjiżi ġirien tal-Afganistan u mbagħad pajjiżi bħall-Istati Uniti, l-Kanada, ir-Renju Unit, u l-Istati membri Ewropej, jaqblu fuq l-ammont li se jieħdu.

Annalena Baerbock, li hi kandidata biex tieħu post Angela Merkel iddikjarat li l-Ġermanja hi obbligata li tieħu 50,000 persuna Afgana fosthom ġurnalisti, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u familjari ta’ persuni li kienu jaħdmu mill-qrib mas-suldati Ġermaniżi. 

Amira Mohammed Ali, Deputat Ġermaniżi mal-partit tax-xellug iddikjarat li l-partit tagħha kien favur li l-pajjiż jieħu refuġjati mill-Afganistan. “Wara għoxrin sena ta’ operazzjonijiet militari fil-pajjiż, għandha ir-responsabbilità li naċċettaw refuġjati Afgani.”

L-Irlanda timxi bl-eżempju….familji Irlandiżi 

inħeġġin jaċċettaw refuġjati f’darhom

Waqt li ħafna pajjiżi esprimew tħassib minn mewġa ta’ refuġjati u dan għax f’pajjiżhom dalwaqt isiru l-elezzjonijiet fosthom il-Ġermanja u Franza, pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea għażlu li jibqgħu siekta u ma jesprimux ruħhom. Din hi l-logħba ta’ stennija li qed jilgħabu għadd ta’ pajjiżi, li qed jagħżlu li ma jitkellmu xejn qabel ma jaraw x’se tkun id-direzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Repubblika tal-Irlanda, iddeċidiet mod ieħor u trid li timxi bl-eżempju. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Simon Coveney, qiegħed iħeġġeġ lill-familji Irlandiżi li huma lesti li jaċċettaw refuġjati mill-Afganistan biex jagħmlu dan. Hu qed iħeġġiġhom jagħmlu kuntatt mal-Kunsill għar-Refuġjati fl-Irlanda u b’hekk ikunu qed jgħinu fl-isforzi Irlandiżi  li jassistu f’din il-kriżi umanitarja.

Hu qal li “l-Irlanda trid timxi bl-eżempju”. L-Irlanda diġa ħabbret li lesta taċċetta 150 refuġjat u 45 li jkollhom visa għal raġunijiet speċjali.  Biss il-Ministru Coveney qal  li l-Irlanda tittama li taċċetta ammont akba minn dan u ħabbar li l-Irlanda se tkun qed tagħmel it-talba flok tistanna talba mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti jew in-NATO.

Ekonomija

Sport