Monday, July 7, 2025

Inizjattiva għall-bini ta’ 260 residenza bi prezz affordabbli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli (FAH), li hija kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja, nediet l-inizjattiva għal Djar Affordabbli biex tipprovdi minn tal-inqas 260 residenza ġdida bi prezzijiet affordabbli. Dawn id-djar se jiġu żviluppati f’erba’ siti f’Ħal Kirkop, il-Fgura, San Ġiljan (Ta’ Giorni) u Marsaskala. Dawn l-artijiet ingħataw lill-Fondazzjoni mill-Gvern ta’ Malta. 

L-għan hu li dawn id-djar jiġu offruti lil persuni li jikkwalifikaw għall-iskemi tal-Fondazzjoni bi prezzijiet madwar 30% inqas mill-prezz tas-suq għal proprjetajiet simili. Id-dħul kollu ġġenerat mill-Fondazzjoni minn din l-inizjattiva se jiġi investit direttament fi proġetti futuri ta’ akkomodazzjoni affordabbli.

Dan il-proġett hu immirat għall-individwi u koppji bi dħul baxx sa medju, li jaqilgħu sa €33,000 fis-sena fil-każ ta’ individwi, u €38,000 fis-sena fil-każ ta’ koppji. Il-Fondazzjoni nediet espressjoni t’interess għad-disinn u l-iżvilupp ta’ dawn id-djar ġodda fil-lokalitajiet imsemmija.

F’dawn il-lokalitajiet kien hemm artijiet pubbliċi li l-Gvern għadda lill-Fondazzjoni, liema wħud mill-artijiet, fil-passat kienu għaddew mill-Knisja għand il-Gvern. Is-sejħa hija immirata għal dawk l-iżviluppaturi li jistgħu joffru soluzzjonijiet t’akkomodazzjoni innovattivi u sostenibbli fost oħrajn bi standards għolja.

Din l-inizjattiva se tkun maqsuma fi tliet stadji ewlenin:

  • Trasferiment tal-art lill-FAH: L-Awtorità tad-Djar għaddiet għadd ta’ artijiet mhux żviluppati lill-FAH, b’enfitewsi perpetwa. Kundizzjoni ewlenija fil-kuntratt bejn dawn iż-żewġ partijiet hi li l-art trid tintuża esklussivament għall-iżvilupp ta’ djar affordabbli. 
  • Trasferiment tal-art lill-kuntrattur: Il-FAH se tgħaddi l-art lil kuntrattur privat permezz ta’ enfitewsi temporanja, għal darb’oħra bil-kundizzjoni li l-art tintuża għall-iżvilupp ta’ djar affordabbli. Il-kuntrattur se jintgħażel permezz ta’ offerta kompetittiva għal kuntratt ta’ Disinn u Bini (D&B). L-offerta tagħhom għandha tinkludi l-prezzijiet affordabbli li bihom se jinbiegħu r-residenzi prospettivi, li jridu jimxu mal-politika tal-FAH.
  • Trasferiment tad-Djar lill-Uteni Finali: Il-kuntrattur se jgħaddi d-djar lesti lill-utenti “finali” – individwi li jilħqu l-kriterji ta’ eliġibilità tal-FAH. Wara 20 sena mid-data tax-xiri tatl-post, dawn l-utenti finali se jkollhom l-għażla li jħallsu ammont addizzjonali biex l-enfitewsi temporanja jagħmluha enfitewsi perpetwa skont formula stabbilita, biex imbagħad jifdu ċ-ċens direttament mal-Awtorità tad-Djar jew mal-Fondazzjoni, skont ta’ min tkun l-art f’dak iż-żmien.

Il-FAH tippjana li jkollha d-djar affordabbli lesti biex jinxtraw fuq il-pjan sal-bidu tal-2027.

“Proġett li se jagħti futur aħjar lil 260 familja” – il-Prim Ministru

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif permezz ta’ dan il-proġett qed jintlaħaq għan soċjali importanti li bih se jingħata futur aħjar lil 260 familja. Il-Prim Ministru nnota kif dan huwa mudell innovattiv li jagħti garanzija biex il-missjoni tal-Gvern, li jaċċerta li kulħadd ikollu dar, tista’ tibqa’ tiġi mwettqa. Filwaqt li nnota b’sodisfazzjon kif ċifri uffiċjali juru li 85% tal-Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ darhom, huwa sostna li l-Gvern se jibqa impenjat jaħdem favur akkomodazzjoni affordabbli għal kulħadd. 

Dr Abela semma kif dan il-proġett qed jibni fuq diversi inizjattivi u għajnuniet oħra li qed jagħti l-Gvern biex aktar nies jsiru sidien ta’ darhom. Fosthom il-first-time buyers, li issa mhux biss qed jiffrankaw miż-żieda tal-iffrankar tat-taxxa tal-boll u jirċievu l-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin imma qed igawdu wkoll minn skema li tagħti lill-ewwel xerrejja tal-proprjetà sa massimu ta’ €9,000 meta jinvestu fi propjetà sostenibbli. B’hekk b’kollox il-first-time buyers, li fil-maġġoranza assoluta huma żgħażagħ, qed igawdu f’madwar €30,000 għajnuna mill-Gvern. 

Fakkar kif il-Gvern wettaq riformi kbar fis-settur tal-akkomodazzjoni fejn qed tingħata assistenza lil min jikri, kif ukoll qed issir ġustizzja mas-sidien. Fil-fatt bosta familji li kienu f’riskju li jiġu żgumbrati minn kirjiet ta’ qabel l-1995 issa qed jiġu mgħejjuna. Huwa rrefera ukoll għall-iskema New Hope li qed tagħti l-possibbiltà lil dawk li kellhom kundizzjoni ta’ saħħa biex huma wkoll ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom. Il-Prim Ministru temm jgħid li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern qed jagħti tama u futur aħjar lill-familji u jagħtihom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, li laqa’ l-fażi li jmiss tal-Fondazzjoni u ddeskriviha bħala, “espressjoni tanġibbli tal-impenn dejjiemi tas-soċjetà tagħna lejn ġustizzja soċjali u ekonomika. L-aċċess għal akkomodazzjoni sikura u dinjituża mhuwiex biss tħassib materjali, iżda wkoll morali. Kull persuna, irrispettivament mid-dħul, ħaqqha post li tista’ ssejjaħlu dar”. L-Arċisqof enfasizza li permezz tal-irwol attiv tagħha fil-Fondazzjoni u d-donazzjoni ta’ art li kienet tat biex tintuża għal skopijiet soċjali, il-Knisja qed tikkontribwixxi b’mod konkret u sinifikanti billi tagħti ġustizzja soċjali lil dawk li tħallew barra mis-suq tal-propjetà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes sostna li permezz ta’ dan il-proġett se nkomplu nbiddlu l-ħolm ta’ bosta familji f’realtà. Il-Ministru aċċena għal diversi skemi li dan il-Gvern fassal fosthom l-iskema ta’ Depożitu ta’ 10%, Equity Sharing, Social Loan, New Hope u Sir Sid Darek, li permezz tagħhom l-Awtorità tad-Djar mill-2017 ’l hawn għennet madwar familja kull jumejn issir sid ta’ darha. Il-Ministru spjega li minkejja dawn ir-riżultati sbieħ, dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem favur miżuri ta’ akkomodazzjoni affordabbli u kien għalhekk li għamel pass hekk importanti meta ttrasferixxa erba’ siti ta’ artijiet lill-Fondazzjoni sabiex jitwettaq il-proġett Djar Affordabbli. “Permezz ta’ dan il-proġett se nkunu qegħdin inwieżnu l-bżulija tal-familji tagħna u nkunu ta’ spalla għalihom sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jsiru sidien ta’ dar”, kkonkluda l-Ministru Galdes.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, Dr Jake Azzopardi, iddeskriva l-inizjattiva bħala innovattiva u sostenibbli li tassigura li kull min jaħdem f’Malta jista’ jkun jiflaħ jixtri dar. Dr Azzopardi żied jgħid kif dan il-mudell ġdid joffri triq ċerta u affordabbli lin-nies biex isiru sidien ta’ darhom waqt li jassigura qligħ xieraq lil min jibni mingħajr lok għall-ispekulazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva tinsab fuq is-sit affordablehousing.mt. Dettalji dwar kif tista’ tgawdi minn din l-inizjattiva se jkunu fuq is-sit imsemmi, iżjed ’il quddiem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport