Saturday, December 21, 2024

“Inizjattiva li mlietni kuraġġ u tama li nista’ ngħix bħal ħaddieħor” – Martina Fenech

Mit-Tnejn se tidħol fis-seħħ din l-iskema l-ġdida hekk kif l-Awtorità tad-Djar se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet.

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes nedew skema bl-isem ta’ New Hope Guarantee li fost l-oħrajn għandha l-għan li tgħin biex il-persuni jkunu jistgħu jagħmlu pass importanti f’ħajjithom.

Fil-fatt f’konferenza tal-aħbarijiet kien tħabbar li l-Awtorità tad-Djar se tniedi skema ġdida bil-għan li l-istat jidħol garanti għal dawk il-persuni li minħabba kundizzjoni medika li fiequ minnha jew minħabba diżabbiltà ma jirnexxielhomx jiksbu polza ta’ assigurazzjoni waqt proċess ta’ self mingħand il-banek biex jixtru l-proprjetà tagħhom. Mit-Tnejn se tidħol fis-seħħ din l-iskema l-ġdida hekk kif l-Awtorità tad-Djar se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet.

Fost dawk il-persuni li laqgħu din l-inizjattiva, kien hemm Martina Fenech, żagħżugħa ta’ 24 sena li riċentament gradwat fit-turiżmu u bħalissa qed tkompli bl-istudji tagħha. Minkejja li l-ħajja ta’ Martina meta kienet żgħira ma daħkitiliex, illum se tkun tista’ tagħmel pass importanti f’ħajjitha grazzi għal din l-inizjattiva.

F’filmat li ġie ppubblikat fuq il-midja soċjali tal-gvern, Martina rrakkontat kif proprju disa’ snin ilu, meta kienet fl-aħħar sena sekondarja (Form 5), hija ġiet dijanjostikata bil-kanċer.

Hija irrakkuntat dak li kienet qed tipprepara għalih kellu jieqaf ħesrem minħabba din id-dijanjożi u anke minħabba li kellha tieħu parti mill-kura tagħha fl-Ingilterra.

Hija qalet: “Pero ħadt il-kura, parti minnha hawnhekk u parti minnha l-Ingilterra. Fiqt u issa għaddew disa’ snin li jien imfejqa mill-kanċer u nista’ ngħix ħajja normal bħal kulħadd. Sfortunatament meta wieħed ifiq mill-kanċer jesperjenza problemi soċjali. Minkejja li dak li jkun ikun fieq mill-kanċer, ma jkunx jista’ jieħu life insurance u għalhekk ma jkunx jista’ jixtri propjetà tiegħu. Għalhekk sforz ta’ dak li għaddejt minnhu disa’ snin ilu, qed niġi mċaħħda milli ngħix ħajja kif jgħixu żgħażagħ oħra tal-età tiegħi.”

Hija temmet tgħid: “Il-ħolma tiegħi hija li bħal sħabi, u bħal kull ċittadin ieħor, għandu jkolli dritt li jiena nkun sid ta’ dar. Din l-inizjattiva l-ġdida lili tagħtni kuraġġ u tama li nista’ ngħix bħal ħaddieħor u li nkomplu nwasslu l-messaġġ li l-ebda marda u kundizzjoni, speċjalment dawk li ġraw fil-passat, m’għandhom qatt jiddefenixxu l-ħajja ta’ bniedem.”

Ekonomija

Sport