Monday, April 15, 2024

Il-Marsa magħżula bħala l-lokalità kulturali għall-2022

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Marsa ġiet magħżula bħala l-lokalità kulturali għas-sena 2022. Din il-lokalità se tiġi allokata fond sa massimu ta’ €200,000 sabiex jiġi implimentat il-programm kulturali propost mifrux matul is-sena d-dieħla.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera f’konferenza stampa li indirizza llum wara nofsinhar fejn stqarr li dan il-Gvern huwa kommess li jara r-riġenerazzjoni tal-Marsa. 

Il-Ministru Herrera beda biex semma kif fil-manifest elettorali kien imwiegħed li jitnieda programm annwali fejn lokalità tiġi ddikjarata bħala l-belt jew raħal kulturali. 

Huwa qal li dan il-programm għandu jservi ta’ għodda biex jippromwovu l-wirt kulturali tal-ibliet u l-irħula tagħna u biex jinħoloq xenarju kulturali innovattiv u b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet futuri. 

Il-Ministru Herrera tenna wkoll illi l-imsemmi fond irid iservi għal bidu ta’ sensiela ta’ opportunitajiet fejn il-Marsin isaħħu l-identità tagħhom fi sfond aktar kulturali bħal kwalunkwe lokalità li għandha storja rikka.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi qal li jinsab kburi b’dan it-titlu li se jgħolli l-livell tal-lokalità. “Dan juri l-impenn tal-Kunsill li dejjem qed naħdmu aktar biex nuru s-sbuħija tal-lokal.”

Azzopardi qal li: “ħsibna biex niftħu bi programm imżewwaq quddiem il-Knisja tat-Trinità fejn il-Marsa tiċċelebra dan it-titlu bil-kbir flimkien mal-komunità kollha u bis-sehem tal-maġġoranza tal-għaqdiet tal-lokal. Festa kbira ta’ lwien u nar waqt serata mużika-letterarja bis-sehem tal-baned u l-banda tal-iscouts.

“Se naħdmu mal-iskejjel tal-lokal biex nippromwovu l-Karnival. Dan filwaqt li l-arti, il-pittura, il-fotografija u l-iskultura se jkunu parti integrali minn dan il-programm u esebizzjonijiet artistiċi se jsiru fejn artisti lokali stabbiliti u anke dawk ġodda se jkollhom ċans jesprimu l-kapaċitajiet tagħhom madwar il-lokal.”

Huwa qal ukoll li se jsiru diversi ljieli Maltin, esebizzjoni tal-platti tal-melħ u tar-ross, infjorata ġdida kif ukoll attività kbira fuq il-baħar bi spettaklu kbir ta’ nar, dwal u kant biswit il-waterfront.

Il-programm imbagħad jilħaq il-qofol tiegħu lejn Diċembru b’avveniment kbir tal-għeluq b’kunċert kbir fuq skala nazzjonali, waqt li fl-akwati tal-Marsa Junction se jkun qed isir ukoll villaġġ kbir tal-Milied.

Ekonomija

Sport