F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ingħata bidu uffiċjali għall-Malta Biennale 2026, pjattaforma internazzjonali tal-arti kontemporanja li din is-sena jinsab fit-tieni edizzjoni tiegħu. Dan il-Biennale għandu l-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, u tal-UNESCO. B’kollox, it-tieni edizzjoni għandha iktar minn 130 artist li ġejjin minn iktar minn 40 pajjiż differenti.

Il-Malta Biennale huwa mtella’ minn Heritage Malta fi 11-il mużew u sit tagħha f’Malta u Għawdex, li jagħmlu lil dan il-Biennale uniku fost it-350 biennale li jeżistu madwar id-dinja għax jgħaqqad flimkien l-istorja u l-patrimonju mal-arti kontemporanja fi djalogu bejn l-imgħoddi u llum b’ħarsa lejn il-ġejjieni.
Bi 28 padiljun nazzjonali u tematiku, il-Biennale jħares lejn il-Mediterran bħala spazju ta’ djalogu fejn l-arti ssir mezz biex nifhmu aħjar id-dinja li qed ngħixu fiha. It-tema ta’ din l-edizzjoni hi “Tnaddaf, Tgħarraf, Tferraq.”

Waqt il-ftuħ uffiċjali tal-Malta Biennale 2026, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono qalet li l-Biennale hi inizjattiva kulturali li f’qasir żmien kisbet reputazzjoni internazzjonali u tkompli tpoġġi lil pajjiżna b’mod sod fuq il-mappa globali tal-arti kontemporanja.
Il-President qalet li din iċ-ċelebrazzjoni kulturali issa ħadet posta ma’ firxa wiesa’ ta’ manifessjonijiet kulturali madwar id-dinja li jiċċelebraw il-kreattività u l-innovazjoni tal-artist bħala ħassieb, dak li jirrifletti fuq is-soċjetà kontemporanja b’mod kritiku u analitiku, iżda wkoll bi mpenn għal futur aħjar.
Hija kompliet tgħid li l-Biennale mhix sempliċiment wirja. Hi spazju fejn il-ħsieb jiltaqa’ mal-kreattività, fejn il-wirt tagħna jiltaqa’ mal-futur u fejn Malta tiftaħ il-bibien artistiċi tagħha lill-ġnus.

“F’dawn iż-żminijiet ta’ bidla mgħaġġla u sfidi globali, l-arti tibqa’ lingwa universali li tgħaqqad, tistieden għar-riflessjoni u tħeġġeġ l-enerġiji mentali u fiżiċi jfittxu realtà aħjar. Il-Biennale ta’ Malta tafferma l-valur tal-libertà tal-espressjoni bħala l-pedament tal-ħajja kulturali mibnija fuq l-artist li jimraħ, li jistaqsi, li jisfida,” qalet il-President.
Hija qalet ukoll li hu importanti li mill-Malta Biennale joħroġ il-messaġġ ta’ responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri. “Nittama b’mod speċjali li dan il-Biennale jispira lil ħafna żgħażagħ Maltin biex jersqu eqreb lejn l-arti, jiskopru leħinhom u jkomplu jsaħħu l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà u d-dinja li għada se tkun tagħhom. Għladaqstant il-Biennale ta’ Malta għandha sservi ta’ sensiela ta’ riflessjonijiet li jixprunaw l-ħsieb ta’ min iżurha,” tenniet il-President Spiteri Debono.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li llum qed niċċelebraw mument storiku għal pajjiżna – it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-Biennale ta’ Malta.
“Dan hu avveniment li qed isaħħaħ il-pożizzjoni tagħna fix-xena internazzjonali tal-arti kontemporanja,” qal il-Ministru Bonnici. “Din mhix biss kwistjoni ta’ prestiġju. Hi kwistjoni ta’ viżjoni. Hi frott ħidma minn Gvern li qed jinvesti b’saħħtu kollha fl-arti u l-kultura. Fuq kollox hija wkoll riżultat u grazzi għal ekonomija b’saħħitha li tagħmel dan kollu possibbli.”
Il-Ministru Bonnici qal ukoll li dan il-Gvern jemmen bi sħiħ li l-kultura għandha rwol kruċjali fl-avvanz ta’ pajjiżna. Tenna li avvenimenti bħalma huma l-Biennale ta’ Malta jpoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali mhux biss bħala destinazzjoni turistika imma bħala pajjiż li jipproduċi u jospita kultura ta’ livell għoli.
Il-President tal-Biennale ta’ Malta u Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li “meta ħlomna l-Malta Biennale, ħlomnieh bħala ħolqa ħajja bejn ilbieraħ u llum. Ħloqnieh biex iħares lejn l-istorja, lejn dak li għaddej bħalissa, nispiraw ruħna mill-istorja, nagħrfu aktar lilna nfusna u niddibattu, nitkellmu u nfasslu.”
Is-Sur Cutajar żied jgħid li l-mużewijiet tagħna rridu nħarsu lejhom b’modi differenti. “Irriduhom ċentri ta’ djalogu attivi fis-soċjetà. Hekk ikunu aktar rilevanti għan-nies tal-lum, għal udjenza usa’, għall-ġenerazzjoni tagħna u ta’ warajna.”
Huwa temm jirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex tittella’ t-tieni edizzjoni tal-Biennale li fi kliemu “se tpoġġi sisien b’saħħithom għal edizzjonijiet futuri.”
Tkellmet ukoll id-Direttur Artistiku tal-Malta Biennale 2026 Rosa Martinez li qalet li l-Biennale mhux ta’ persuna waħda imma huwa riżultat ta’ sforz kollettiv minn ħafna nies li ħadmu flimkien biex seta’ jintlaħaq dan il-għan.
Il-Malta Biennale jiftaħ għall-pubbliku fl-14 ta’ Marzu u jibqa’ għaddej għal 11-il ġimgħa sad-29 ta’ Mejju 2026.

