Thursday, December 19, 2024

“Inizjattiva tant mistennija u tajba… issa nixtieq oħra għall-klieb”

- Alison Bezzina, Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mil-lbieraħ bdiet it-tant mistennija kampanja nazzjonali b’baġit ta’ €200,00 fis-sena għan-neutering tal-qtates, kampanja li se tindirizza l-problema tal-popolazzjoni dejjem tikber tal-qtates fit-toroq. F’kumment li tat lil Talk.mt, il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, saħqet fl-importanza ta’ din il-kampanja minħabba l-fatt li l-popolazzjoni tal-qtates fit-toroq tagħna “splodiet” u fl-istess ħin wissiet li jekk ma noqogħdux attenti, jista’ jkun li ‘l quddiem jerġa’ jibda jkollna klieb fit-toroq minħabba li fis-santwarji “lanqas labra ma toqgħod”. Filwaqt li hija grata għall-aħħar li din il-kampanja għall-qtates bdiet, issa x-xewqa tagħha hija li jkun hemm kampanja tal-istess tip għall-klieb.

“Din il-kampanja hija inizjattiva li verament nilqgħu bi ħġarna. Ilna s-snin nittamaw u nistennew għax il-popolazzjoni tal-qtates li jiġru barra splodiet u l-feeders (dawk li jitimgħuhom) mhumiex ilaħħqu. Naf li hemm xi attivisti hemm barra li għandhom id-dubji tagħhom jekk il-makkaniżmu tagħha huwiex se taħdem però, il-fatt li l-Gvern investa l-ammont sostanzjali ta’ €200,000 fis-sena, dan huwa pass tajjeb u ‘l quddiem. Għaldaqstant, ikun għaqli li nistennew biex inkunu nistgħu naraw jekk hiex se taħdem jew le. Inutli li noqogħdu nissoponu jew nispekulaw,” insistiet Bezzina.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali qalet li l-feeders kienu ilhom jistennew u jitolbu għall-għajnuna biex isewwu l-qtates. Issa, hemm xi persuni li qegħdin jaħsbu li għalkemm il-baġit ta’ din il-kampanja huwa kbir, peress “il-problema tripplat jekk mhux kwadripplat”, jista’ jkun li dan il-baġit ma jkunx biżżejjed.

“Qatt ma kien hemm daqshekk baġit għal inizjattiva bħal din”

“Għal darb’oħra nisħaq li għandna nistennew biex inkunu nistgħu naraw l-andament. L-aħħar ħaġa li tmut fija hija t-tama u f’din is-sitwazzjoni, almenu, jidher li hemm rieda politika. Dan għax qatt kemm niftakar jiena, fl-Istorja ta’ Malta ma kien hemm daqshekk baġit allokat għal inizjattiva bħal din. Kellniex nistennew li s-sitwazzjoni tiġi gravi daqs kemm hija llum? Jien nixtieq li le, iżda issa importanti li nħarsu ‘l quddiem,” kompliet Bezzina.

Mill-informazzjoni li tatna, l-istima hija li bejn 4,000 u 5,000 qattus u qattusa fis-sena se jkunu msewwija. Il-kampanja se ssir b’kollaborazzjoni mal-persuni li jitimgħu lill-qtates tat-toroq li jgħixu f’kolonji fil-lokalitajiet tagħna. Hawn Bezzina speċifikat li l-qtates li se jissewwew taħt din l-iskema se jiġu ċċippjati taħt il-lokalità fejn ikunu miġbura u wara jerġgħu jintefgħu hemmhekk. Din l-iskema ma tapplikax għall-qtates privati. 

Lura għall-mistoqsija jekk din l-iskema hiex se taħdem jew le, il-Kummissarju qalet li, “anke jekk forsi 5,000 qtates tinstema’ ħafna, minħabba li m’għandniex idea ċara ta’ kemm fil-fatt hemm qtates fit-toroq, ħadd ma jista’ jkun jaf jekk dawn il-5,000 humiex qatra fl-oċean jew inkella huwiex persentaġġ sinifikanti”.

Dan is-sit staqsiha x’taħseb li wassal biex f’Malta jkollna popolazzjoni daqshekk kbir ta’ qtates fit-toroq. Bezzina qalet li, “sfortunatament, huwa d-dewmien li kien hemm biex tibda l-kampanja tan-neutering. Kieku għamilnieha ħames snin ilu avolja dak iż-żmien il-popolazzjoni kienet diġà kbira, tul dan il-perjodu komplew jimmultiplikaw. Dan għax qattusa jkollha l-frieħ erba’ darbiet fis-sena b’xi sitta kull darba mentri qattus mhux imsewwi, jista’ jagħmel frieħ bla limitu,” insistiet din il-Kummissarju.

Id-differenza bejn il-klieb u l-qtates…

Rigward il-fatt li dari kellna ħafna klieb jiġru fit-toroq iżda din is-sitwazzjoni llum il-ġurnata hija ikkontrollata, Bezzina qaltilna li n-nies edukaw ruħhom biżżejjed fejn jidħlu l-klieb. Barra minnhekk, hija qalet li hemm ukoll għarfien biżżejjed li meta persuna tara kelb jiġri fit-triq, dan ikun jew mitluf jew maħrub. “Mhiex xi ħaġa normali li tara kelb jiġri fit-triq mentri qattus jiġri fit-triq jista’ ma jkunx mitluf imma jkun tat-triq. Jarawha bħal xi ħaġa normali u ma joqogħdux iċemplu biex jinġabar. Dan sakemm ma jidhirx li jkun imweġġa’ jew marid. Mentri f’każ ta’ kelb li jkun fit-triq, anke jekk dan ma jkunx imweġġa’ jew marid, in-nies jassumu li huwa mitluf u għaldaqstant iċemplu. Dan għax hemm differenza fl-indipendenza tan-natura bejn kelb u qattus,” spjegat Bezzina.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali semmiet ukoll fattur ieħor li għamel u għadu jagħmel differenza bejn iż-żewġ speċi – il-microchipping fejn f’Malta huwa b’liġi li tiċċippja kelb mentri f’każ ta’ qattus, din għadha mhiex. “Din għamlitha aktar diffiċli biex il-klieb jiġu abbandunati għax meta jinstab, dan jerġa’ jiġi ritornat lura għand sidu mentri, fil-każ tal-qtates sfortunatament din għadha ma daħlitx fil-liġi. Allura, minn jixba mill-qattus jabqad u jitfgħu ‘l barra u aħna ma nkunux nafu ta’ min kien.”

“Għalkemm ma narawx klieb fit-toroq… għad hemm problema”

Min-naħa tagħha Bezzina semmiet il-fatt li fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2021, hija kienet irrakkomandat li ssir din il-kampanja tan-neutering tal-qtates, li issa qiegħda sseħħ u oħra għall-klieb. “Dan għax għalkemm m’għadniex naraw klieb fit-toroq, għad hemm problema. Din il-problema għalissa mhiex fit-toroq imma qegħdin niffaċċjawha fis-santwarji għax dawn huma mimlijin kompletament. M’hemmx fejn toqgħod labra aħseb u ara fejn joqgħod kelb. Tant huwa hekk li jekk iċċempel biex iddaħħal kelb f’santwarju, wisq probabbli se jgħidulek li m’hemmx post u jkollok tara x’se tagħmel”.

Hija qalet li konsegwenza ta’ dan, il-popolazzjoni tal-klieb se tkompli tiżdied sal-punt li se nibdew insibuhom jiġru fit-toroq. Spjegat li, “meta s-santwarji u tal-Ħarsien tal-Annimali ma jibdewx jiġbru għax ikunu mimlijin, imbagħad il-klieb ukoll se jibdew jippopolaw it-toroq. Ninkwieta ħafna li se nerġgħu niġu f’dak iż-żmien ta’ meta kont żgħira jiena, li jerġa’ jibda jkollna klieb mejtin bil-ġuħ jiġru barra jqattgħu l-boroż tal-iskart ħalli jsibu x’jieklu’.

Filwaqt li tirrikonoxxi kemm saru u għadhom isiru ħafna affarijiet biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-klieb lokalment, Alison Bezzina esprimiet ix-xewqa li ssir kampanja tan-neutering għall-klieb ukoll u dan japplika kemm għal dawk privati, kif ukoll għall-klieb fl-irziezet. Barra minnhekk hija saħqet fl-importanza li jkun hemm kontroll fuq it-tagħmir tal-klieb, attività li f’pajjiżna hija popolari u pprattikata ħafna.

Ekonomija

Sport