Saturday, May 4, 2024

Inizjattivi fis-settur tal-anzjani fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali ddedikat għall-anzjani

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Anzjani, li huwa mfakkar madwar id-dinja fl-ewwel ta’  Ottubru, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar tliet inizjattivi – it tnedija tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Strateġika Nazzjonali għas-seba’ snin li ġejjin, il Premju Anzjanità 2021, kif ukoll diversi attivitajiet li se jkunu organizzati b’rabta mat-tema ta’ din  il-ġurnata – l-aċċess diġitali għal kull età. 

Waqt li fakkar fl-istatistika ppubblikata reċentement, li turi li naqas in-numru ta’ anzjani f’riskju ta’  faqar b’1.4% u dawk f’riskju ta’ faqar u deprivazzjoni materjali u soċjali bi 2.2%, il-Ministru Michael  Farrugia qal li dan kien possibbli permezz ta’ diversi inizjattivi soċjali u fiskali li ħa l-gvern.  

Dwar l-ewwel inizjattiva, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li fetħet konsultazzjoni pubblika dwar  il-Politika Strateġika Nazzjonali, fejn is-suġġerimenti se jkunu milqgħua sal-aħħar ta’ Ottubru. Huwa  spjega li, permezz ta’ din l-istrateġija, se jiġu introdotti miżuri innovattivi biex tkun indirizzata l anzjanità attiva b’mod ħolistiku. “Qed naħdmu biex inkomplu nipprevjenu d-diskriminazzjoni tal età, l-abbuż fuq l-anzjani, l-esklużjoni soċjali, is-solitudni, kif ukoll inkunu katalisti għall-kura  eċċezzjonali kemm fil-komunità u fid-djar tal anzjani,” qal il-Ministru. Huwa qal li matul din is-sena  mhux biss komplew jitwessgħu s-servizzi offruti fil-komunità, iżda wkoll kompliet tiżdied l aċċessibbiltà ta’ sodod fid-djar tal-anzjani, kif ukoll sar titjib infrastrutturali fid-djar residenzjali tal gvern. “Fil-qasam tas-saħħa, matul din is-sena rajna li mhux biss l-anzjani jkollhom aċċess aħjar tas servizzi ta’ flebotomija, servizzi ta’ psikoloġisti u professjonisti oħra, iżda wkoll ftaħna dipartiment  ta’ radjoloġija f’San Vinċenz de Paul, li se jkompli jaqdi l-bżonnijiet tal-anzjani fl-istess residenzi, anke għal anzjani fil-komunità,” żied jgħid. Min jixtieq jissottometti ideat jew proposti, jista’ jimla  kwestjonarju li jinsab fuq il-website tal-Ministeru – www.msca.gov.mt.  

Il-Ministru Michael Farrugia tkellem ukoll dwar il-Premju Anzjanità Attiva, li huwa ċelebrazzjoni  ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-anzjanità attiva. Dan huwa avveniment annwali li se jkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jseħħu fix-xahar ta’ Ottubru, li huwa ddedikat għall-anzjani. Se  jkun hemm ħames premjijiet: Premju Anzjanità Attiva, Premju Kulturali tas-Sena, Premju  Akkademiku tas-Sena, Premju Sportiv tas-Sena u Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali.  

In-nominazzjoni ssir permezz ta’ formola li tinkiseb mill-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità  Attiva, minn Ċentru Servizz Anzjan fil-Belt Valletta, mill-paġna ta’ facebook Anzjanità Attiva, jew  minn fuq is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt u tiġi sottomessa l-Ministeru, jew tintbagħat  permezz tal-email fuq [email protected]. In-nominazzjonijiet jagħlqu fit-22 ta’  Ottubru 2021. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jibgħat mistoqsijiet fuq [email protected]. Ir-rebbieħa jitħabbru f’serata apposta mtella’ mill-Ministeru  għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva f’Novembru. 

Il-Ministru Farrugia fakkar fid-diversi inizjattivi fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, fosthom  servizz ta’ wifi f’kull parti ta’ djar tal-anzjani tal-gvern u taħriġ tal-anzjani dwar l-użu tal-internet.  Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Anzjan, se jiġu organizzati sensiela ta’ workshops (5) bil ħsieb li anzjani jużaw iktar it-teknoloġija fuq bażi regolari waqt l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. Min  jixtieq jattendi huwa mitlub jikkuntattja lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità fuq 22788835 jew  fuq is-sit, jew iżuru l-Facebook page tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Il-workshops se  jittellgħu f’San Pawl il-Baħar, Ħal Qormi, Birkirkara, Ħaż-Żabbar u r-Rabat (Għawdex).

Sport