Saturday, December 21, 2024

Inizjattivi ġodda biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-pulizija

Aqra wkoll

Xhur ta’ tħejjijiet se jwasslu għal inizjattivi biex it-taħriġ li jingħata lill-membri l-ġodda u dawk  eżistenti tal-Korp tal-Pulizija jkun iktar speċjalizzat u saħansitra akkreditat, inkluż minn  istituzzjonijiet ta’ reputazzjoni.  

Kien dan il-messaġġ tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron  Camilleri meta żar 65 rekluta li bħalissa għaddejjin bit-taħriġ tagħhom fl-Akkademja għall-Korpi  Dixxiplinati. Il-Ministru Camilleri spjega kif l-għan hu li jkomplu jitjiebu l-ħiliet tal-membri tal-Korp  tal-Pulizija. “Din is-sena għandha tkun dik li tpoġġi l-bażi biex nibdew nimxu lejn dawn l-għanijiet”, qal il-Ministru Camilleri filwaqt li spjega li l-entużjażmu għall-bidla u t-tiġdid fil-Korp tal-Pulizija  ma jaqta’ xejn u l-istrateġija ta’ trasformazzjoni mnedija s-sena li għaddiet kienet biss il-bidu.  

Il-ministru appella lir-rekluti l-ġodda biex jidħlu għal dan ix-xogħol b’entużjażmu u b’dedikazzjoni  lejn il-komunità li jservu.  

“Dan il-gvern qed jagħmel investiment bla preċedent fil-forzi tal-ordni u dan joħroġ biċ-ċar mhux  biss mill-investiment li qed isir f’tagħmir u apparat ġdid iżda anke fit-taħriġ”, qal il-Ministru  Camilleri. Fisser ukoll kif it-taħriġ tal-uffiċjali huwa parti kruċjali mill-viżjoni tal-gvern biex ikompli  jinvesti fis-sigurtà ta’ pajjiżna.  

It-taħriġ intensiv qed isir fuq medda ta’ numru ta’ ġimgħat u jinvolvi taħriġ prattiku u dak teoretiku.  Dan se jwassal lir-rekluti sabiex ikunu preparati għal kull ma jiltaqgħu miegħu fil-ħidma ta’ kuljum.

Ekonomija

Sport