Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ordnaw li ssir inkjesta, taħt l-Att dwar l-Inkjesti, b’rabta mal-omiċidju li seħħ dalgħodu f’Raħal Ġdid.
Din l-inkjesta, li se tkun immexxija mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia, se timxi pass pass ma’ dak kollu li ġara, tistabbilixxi x’ġara minn kull entità li kellha kwalunkwe rwol f’dan il-proċess kollu biex imbagħad abbażi tagħha, jekk ikun hemm bżonn, jittieħdu d-deċiżjonijiet. “Din l-inkjesta mistennija tistabbilixxi jekk kienx hemm nuqqasijiet u jekk kien hemm, minn min saru,” qal il-Ministru Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet.
Huwa qal li dak li assistejna għalih ftit tas-sigħat ilu kien każ ta’ femiċidju, omm ta’ 40 sena li nqatlet kiesaħ u biered. “Xejn minn dak li nista’ ngħid jew nagħmlu llum ma jista’ jsabbar lill-membri tal-familja tagħha u lanqas lis-soċjetà li quddiem każijiet bħal dawn tweġġa, u tweġġa’ ħafna. Dan huwa każ li jirrabjana ħafna.”
Il-Ministru Camilleri qal li bħalissa l-pulizija qiegħda tinnegozja mas-suspettat, li qiegħed ġo residenza privata possibilment armat bl-istess arma li allegatament intużat fid-delitt.
Huwa spjega wkoll li mill-informazzjoni li għandu, jirriżulta li f’Awwissu, il-vittma għamlet rikors quddiem il-Qrati u wara li semgħu l-partijiet, il-Qorti ddeċidiet li toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Dan il-każ kien segwit wara li f’Mejju li għadda kien sar rapport mill-vittma, il-pulizija infurmat li ħarġu l-akkużi fil-konfront tal-persuna suspettat iżda dan il-każ għadu ma nstemax quddiem il-Qrati u kien mistenni jinstema f’Novembru tas-sena d-dieħla. Qal ukoll li kien hemm drabi fejn il-vittma ġiet anke assistita.
Il-Ministru Camilleri iżda qal li sfortunatament, dak li sar wara dawn iċ-ċirkostanzi, ma kienx biżżejjed sabiex jiġi evitat dak li seħħ dalgħodu. “Illum jeħtieġ nibagħtu messaġġ b’saħħtu iżda fl-istess ħin ikollna l-informazzjoni kollha u ċara mingħajr ebda dubju minn dak li sar, x’seta’ sar aħjar jew inkella x’seta sar differenti.”