Tuesday, December 24, 2024

INKOMPLU B’ĦIDMIETNA B’RISQ IL-POPLU

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu tħabbar l-ewwel baġit ta’ din il-leġiżlatura. L-ewwel wieħed minn ħamsa. L-ewwel wieħed, imma ma jfissirx li b’hekk se nkunu qegħdin nibdew ħidmietna bħala Gvern. Ħidmietna bħala Gvern bdejniha l-għada li l-Partit Laburista reġa’ ngħata mandatt qawwi mill-poplu fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu li għadda. Il-Prim Ministru Robert Abela ħatar il-Kabinett tiegħu u minnufih meddejna għonqna għax-xogħol biex inkomplu nimplimentaw dak li konna ħdejna abbażi ta’ dak programmat fil-Baġit 2022. Sal-lum minn dak il-programm ta’ ħidma wettaqna aktar minn 77% ta’ dak ippjanat.

Ġie elenkat dak li bħala Gvern se nkunu qegħdin naħdmu fuqu biex inkomplu t-twettiq ta’ dak imwiegħed fil-Programm Elettorali 2022. Baġit bit-tema MALTA, ĊERTEZZA U STABBILTÀ. Tema bbażata fuq dak li rnexxielna nagħmlu għall-poplu minkejja kriżi internazzjonali bla preċedent bħal dik kawżata mill-pandemija Covid-19 segwita b’mod immedjat minn gwerra fl-Ewropa bejn ir-Russja u l-Ukrajna, gwerra li għadha għaddejja u li l-konsegwenza tagħha qiegħed iħosshom kulħadd. Sitwazzjonijiet li bikkmu lill-pajjiżi kollha. Ma nistgħux ngħidu li aħna konna u aħna eċċezzjoni, imma ċertament li qegħdin f’sitwazzjoni ferm u ferm aħjar minn tista’ tgħid il-pajjiżi kollha l-oħra fl-Ewropa. Biżżejjed tħares lejn il-prezzijiet tal-enerġija u l-għajnuniet fejn jirrigwarda ċereali. 

Minn lenti ta’ Ministeru responsabbli għalih, b’sodisfazzjon ngħid li l-Baġit 2023 jiffoka fuq 11-il proposta mill-manifest elettorali għas-setturi tad-diżabilità, il-volontarjat u d-drittijiet tal-konsumatur b’allokazzjoni ta’ madwar €56 miljun. Il-passat ta’ Gvernijiet Laburisti juri ċar daqs il-kristall kemm is-settur tad-diżabilità dejjem kien ta’ prijorità għalihom. U hekk għadu.

Tikteb Julia Farrugia Portelli

Nagħti ftit eżempji. Mil-lat finanzjarju l-persuni b’diżabilità se jkunu mgħejjunin b’investiment ta’ €33 miljun, ċifra li tirrifletti żieda ta’ €2.8 miljun fuq is-sena 2022. Fil-Baġit 2023 tħabbar li l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa se tiżdied b’€9.90 fil-ġimgħa u se tkun qed tiżdied għal €174.80 fil-ġimgħa. L-Assistenza għal Diżabilità Severa se tiżdied b’€6.60 fil-ġimgħa għal €116.12 fil-ġimgħa u l-Assistenza għal Diżabilità se tiżdied b’€6.60 fil-ġimgħa għal €90.59 fil-ġimgħa.

B’investiment bla preċedent ta’ €1.8 miljun ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb iben jew bint adult/a b’diżabilità severa se jkunu qegħdin jingħataw disa’ darbiet aktar milli kienu qegħdin jingħataw fil-Carer’s Grant. Dan ifisser li meta s’issa kienu qegħdin jingħataw €500 fis-sena b’riżultat tal-Baġit 2023 se jkunu qegħdin jingħataw €4,500. Miżura li minnha se jkunu qegħdin jibbenefikaw ftit aktar minn 400 ġenitur.

Ir-rieda tal-Gvern li nkomplu nimbuttaw ‘il quddiem l-indipendenza tal-persuni b’diżabilità hija riflessa f’miżuri li jaħseb għalihom il-Baġit 2023. Dan b’konformità mal-Istrateġija Nazzjonali għal persuni b’diżabilità. Fost dawn il-miżuri hemm investiment ta’ €4.2 miljun fl-iskema Independent Community Living. Dan bil-għan li aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom permezz ta’ Assistent Personali.

Mod ieħor kif persuna b’diżabilità tista’ tkompli tħoss lilha nnifisha aktar indipendenti huwa dak fejn jikkonċerna sewqan ta’ vettura bit-tħaddim tal-kunċett ‘Drive from Wheelchair’.  Se jkun qed jingħata sussidju ta’ 20% fuq xiri ta’ vetturi li jinstaqu minn persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. Dawk li jixtru karozza modifikata ‘second-hand’, inklużi karozzi mgħammrin b’lifts jew rampi, u li tkun reġistrata diġà se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn sussidju ta’ mhux aktar minn 10% tal-prezz tal-karozza.

Miżura oħra li se tkun ta’ benefiċċju għal persuni b’diżabilità tirrigwarda t-test tal-mezzi fl-iskemi offruti mill-Awtorità tad-Djar. Benefiċċji mogħtijin lil persuni b’diżabilità se jkunu esklużi mit-test tal-mezzi li tagħmel l-Awtorità tad-Djar.

Fejn jirrigwarda drittijiet tal-konsumatur b’konformità ma’ dak imwiegħed fil-Programm Elettorali se jerġa’ jogħla l-ammont massimu ta’ €5,000 li fuqhom jistgħu jsiru talbiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Għax dejjem emminna fis-settur tal-volontarjat se nkomplu ngħinu kemm jista’ jkun lill-għaqdiet volontarji. Se nagħmlu dan permezz ta’ riforma fis-settur u bl-introduzzjoni ta’ ‘one-stop-shop’ fejn l-għaqdiet ikunu jistgħu jsibu servizzi u sapport taħt saqaf wieħed.

L-ispazju huwa dak li hu, imma jkolli l-opportunità nidħol f’aktar dettalji meta aktar ‘il quddiem fil-Kamra tad-Deputati nkunu qegħdin niddiskutu l-Voti Finanzjarji allokati lill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur li b’sodisfazzjoni għalija huwa fir-responsabbiltà tiegħi.

Ir-rikonoxximent li s-settur tad-diżabilità esprima għal dak propost fil-Baġit 2023 ikompli jixprunana għal aktar ħidma kollettiva biex inkomplu nassiguraw li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

Ekonomija

Sport