Wednesday, July 24, 2024

Inkomplu nagħmlu d-differenza f’ħajjet in-nies

Aqra wkoll

“Ħaddieħor jhedded bi gwerra, ħaddieħor jipprovoka.  Aħna nsejħulkom biex tiġu hawn u tgħidulna x’Malta tridu, għax l-aspirazzjonijiet tagħkom imbagħad irridu nagħmluhom realtà. Għax dik hija l-politika vera, li tisma’ lin-nies, li tifhem lin-nies, li taħdem għan-nies. Għalhekk sħabi u jien dħalna fil-politika, biex nagħtu servizz lilkom, biex fejn hemm sfidi nindirizzawhom.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika f’Santa Luċija.

Dr Abela semma kif qabel l-2013, meta l-prezzijiet tal-fjuwil u l-elettriku kienu żdiedu fl-Ewropa, gvern nazzjonalista kien żied il-prezzijiet bid-doppju ta’ dak li kienu żdiedu barra. Meta l-Partit Laburista ressaq mozzjoni biex dan ma jseħħx, il-Partit Nazzjonalista kien qal li se jivvota kontra bil-qalb.

Dr Abela kompla li f’dawn l-aħħar ħdax-il sena, gvern laburista ta lill-poplu Malti kontijiet li huma 25% orħos, meta fl-Ewropa, fl-istess żmien, il-kontijiet żdiedu b’40%. Semma li l-istess sar fir-rigward tal-fjuwil, fejn Malta hija l-uniku pajjiż fiż-żona ewro fejn in-nies qed iħallsu għall-fjuwil anqas milli kienu jħallsu ħdax-il sena ilu. “Dik hija d-differenza kbira illi għamilna fil-ħajja tan-nies,” saħaq Dr Abela.

Semma wkoll l-iskema Stabbiltà, li l-Oppożizzjoni ddeskrivitha bħala perikoluża, fejn permezz tagħha kellna tnaqqis fl-inflazzjoni tlett darbiet u nofs dik fiż-żona ewro. Tenna li għall-Oppożizzjoni li taħdem għall-ġid tal-poplu huwa perikoluż. Madanakollu, Gvern laburista se jibqa’ jwettaq dak li jwiegħed u se jibqa’ jsostni lill-poplu.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista kompla li hekk kif kważi wasalna f’nofs kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista għadu ma semma l-ebda proposta. Filwaqt li l-Partit Laburista għandu pjan ċar għal kull lokalità. Semma kif f’Santa Luċija se tiġi riġenerata l-pjazza, inkluż il-bandli u madwar il-Knisja Parrokkjali, se jinbena ċentru ċiviku ġdid u se jitlesta x-xogħol ta’ tisbiħ fuq Ġnien is-Serenità.

“Din hija l-Malta li rridu għalikom. Aktar ġonna, aktar postijiet fejn tirrilassaw, aktar ċentri fejn niltaqgħu bħala komunità. Fl-istess ħin irridu nkomplu nkabbru l-ekonomija u nqassmu b’mod ġust il-ġid li toħloq. Għaliex hekk ħaqqu dan il-poplu, mhux theddid, mhux protesti u mhux qtigħ il-qalb, imma ħidma, kalma u kuraġġ,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport