Monday, April 22, 2024

“Inkomplu ngħinu sakemm ikun hemm bżonn” – Il-Ministru Edward Scicluna:

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wiegħed li l-Gvern se jkompli jgħin lill-ħaddiema u negozji milquta mill-Covid19 mhux sa Diċembru jew Marzu li ġej imma sakemm ikun hemm bżonn. 

Huwa iddikjara dan waqt li f’attività mxandra fuq is-sit tal-Gvern fuq Facebook kien qed jindirizza laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2021 li għandu jitħabbar f’Ottubru li ġej.

Scicluna semma kif minkejja li l-Gvern ħareġ diversi benefiċċji biex jgħin lin-nies u lin-negozji jiffaċċjaw l-impatt tal-pandemija huwa ma kellu ebda ħsieb li jdaħħal taxxi ġodda għax anke jekk id-dejn u d-defiċit żdiedu l-pajjiż jiflaħ għalihom.

Huwa semma kif kuntrarjament għal editorja li deher fl-aħħar jiem issa mhux iż-żmien li wieħed joqgħod iġemma imma li jonfoq ħa jinħoloq ix-xogħol u ġab eżempju b’dak li qed jiġri f’Singapore fejn minħabba nuqqas ta’ vjaġġi qed isiru titjiriet li ma jieħduk imkien biex dawn jibqgħu għaddejjin.

Il-Professur Scicluna kien mistoqsi wkoll dwar il-faqar fejn sostna li l-Gvern irid jindirizza fejn huma l-‘pockets’ u jekk, per eżempju, humiex barranin, pensonanti, ‘single parents’ waqt li nsista li l-mira tiegħu hija li jara li dawn dejjem jonqsu.

Dwar il-pensjonanti qal li dawn se jibqgħu prijorità għalkemm meta mistoqsi jekk jarax il-pensjoni baxxa qal li l-problema li ħafna koppji jinsabu fuq pensjoni waħda u faċli tgħid li żżidhom imma jekk tagħmel dan trid toqgħod attent li ma żżidx il-bolla.

Fuq l-ambjent semma li din ukoll hija prijorità u waqt li innota kif it-tnaqqis tal-karozzi fit-toroq minħabba l-pandemija wassal għal kwalità ta’ arja aħjar saħaq li rridu nħarsu l-ambjent kemm biex innaqqsu t-tniġġiż imma anke biex inkunu aktar b’saħħitna.

Waqt il-laqgħa Scicluna enfasizza li l-Gvern jaf li dan huwa żmien diffiċli għall-familji u għal pajjiżna u li hemm bosta f’inċertezza u f’ansjetà u nsista li l-Gvern se jagħti s-sostenn tiegħu biex jindirizza dan it-tħassib.

Sport