Monday, December 9, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-faċilità state-of-the-art għat-taħriġ fil-marittimu MaritimeMT

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar l-istitut edukattiv state-of-the-art MaritimeMT f’Ħal Far. Jakkumpanja lill-Prim Ministru kien hemm il-Ministru responsabbli mill-marittimu Ian Borg.

L-istitut MaritimeMT inbena b’investiment ta’ €4 miljun mill-Mediterranean Maritime Research & Training Centre Co-op, bl-għan li jingħata taħriġ speċjalizzat lill-baħħara u l-ħaddiema tal-marittimu bbażati fuq l-art. Illum, din il-faċilità diġà bdiet tilqa’ l-istudenti għal varjetà ta’  korsijiet, minn dawk rekreazzjonali sa dawk li jwasslu għal ċertifikazzjoni kummerċjali.

Il-Prim Ministru Abela faħħar l-investiment li sar minn MaritimeMT biex tkun tista’ tuża teknoloġiji ġodda fit-taħriġ li tagħti lil dan is-settur tant importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Huwa nnota bi pjaċir is-sħubija li MaritimeMT għandha ma’ diversi esperti li qed jiffaċilitaw pjattaformi ta’ e-learning, kif ukoll teknoloġiji immersivi u ta’ realtà virtwali għall-istudenti tagħha.

MaritimeMT kontinwament taħdem mad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta biex tinvesti fi programmi ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni ġodda. Fil-fatt, il-portafoll tal-akkademja se jkun maqsum fi tlieta – parti għat-tbaħħir, parti għas-superyachts u parti ddedikata għall-opri żgħar. Wieħed mill-aktar korsijiet importanti li ġew żviluppati għall-industrija lokali huwa t-TM Recreational Skipper Licence 35Nm Mediterranean Sea, filwaqt li ġie żviluppat ukoll Transport Malta Master of Yachts 200GT 60Nm/150Nm/Unlimited Model Course, li issa se jagħti l-opportunità lil dawk li għandhom Master of Yachts biex jitħarrġu wkoll għal Master of Commercial Vessels. Dawn il-korsijiet qegħdin iwasslu biex joħolqu karrieri u impjiegi ġodda għall-baħħara Maltin, u hemm pjanijiet biex din il-liċenzja titwessa’ għal Ċertifikat ta’ Kompetenza skont il-Konvenzjoni STCW.

Waqt iż-żjara tal-Prim Ministru Abela, ġie mħabbar ukoll li MaritimeMT u d-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ħadmu flimkien biex fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew jiġu offruti l-korsijiet li jwasslu għal Ċertifikat ta’ Kompetenza għal Officer of the Watch 3000GT u Master 500GT fis-settur tal-yachting. Dan huwa żvilupp importanti, speċjalment meta wieħed iqis iż-żidiet sostanzjali li r-reġistru ra fis-superyachts, hekk kif l-opportunità li jkollna aktar Maltin ċertifikati biex jaħdmu fuq dawn l-opri tal-baħar se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fuq il-Mappa tal-Industrija tas-Superyachts.

Apparti dan l-iżvilupp, ġie mħabbar ukoll Model Course for Yacht Stability akkreditat mill-iScottish Qualifications Authority, filwaqt li għaddej ix-xogħol biex MaritimeMT tibda toffri korsijiet fl-inġinerija u fl-ospitalità, u għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-MCAST favur kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi.

Waqt l-attività, il-Ministru responsabbli mill-marittimu Ian Borg ippreżenta lil MaritimeMT biċ-ċertifikati li se jwasslu biex il-korsijiet il-ġodda jkunu jistgħu jiġu offruti lill-istudenti ta’ din il-faċilità.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru u l-Ministru Borg attendew laqgħa mat-tmexxija ta’ MaritimeMT u t-tmexxija ta’ Transport Malta.

Ekonomija

Sport