Saturday, December 21, 2024

“Inkomplu niġġeddu biex inwettqu l-ħolm tagħkom flimkien magħkom”- Il-PM

Aqra wkoll

F’sessjoni ta’ diskussjoni fil-forma ta’ open mic maż-żgħażagħ, il-Prim Ministru jelenka bidliet importanti fosthom it-twaqqif mill-ġdid tal-Qorti Kummerċjali.

“Irridu nkomplu niġġeddu bħala Partit Laburista fil-Gvern għax irridu nibqgħu nwettqu l-ħolm tagħkom flimkien magħkom.” Messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’sessjoni ta’ open mic fejn id-diskussjoni maż-żgħażagħ kienet waħda miftuħa f’attività organizzata minn Żgħażagħ Laburisti, il-Belt.

Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ dak li kellhom jgħidu ż-żgħażagħ li tkellmu fuq diversi temi. Dr Abela rrefera għan-nomina tal-Gvern Malti għall-Kummissjoni Ewropea, fejn Glenn Micallef mistenni jassumi l-irwol ta’ Kummissjoni Ewropew għaż-Żgħażagħ, il-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjoni, l-Isport u l-Kultura. “Dan Gvern u Partit li tassew jemmen fil-vuċi taż-żgħażagħ”, irrimarka l-Mexxej Laburista, li nnota wkoll diżappunt fejn kellek min iqis it-tema taż-żgħażagħ bħala inqas importanti. Il-Mexxej Laburista nnota wkoll li mbagħad kellek numru sabiħ ta’ għaqdiet fosthom dawk taż-żgħażagħ li laqgħu l-iżvilupp pożittiv dwar in-nominat ta’ pajjiżna. Qal li l-attiviżmu fost iż-żgħażagħ għandu jkompli jissaħħaħ u jiġi rifless fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-pajjiż, miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza wkoll diversi temi mqajma miż-żgħażagħ fosthom dwar il-proċessi ġudizzjarji u s-sistema korrettiva f’pajjiżna. Dwar il-qasam ġudizzjarju, il-Prim Ministru nnota l-bidliet li qed isiru fosthom dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja. Il-Prim Ministru qal li l-pass li jmiss fil-bidliet li rridu nwettqu huwa favur l-ispeċjalizzazzjoni tal-ġudikant. Dr Abela ħabbar ukoll li l-Gvern se jkun qed iwaqqaf mill-ġdid il-Qorti Kummerċjali li ma tibqax parti mill-Prim Awla. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan qed isir f’kuntest fejn it-tkabbir ekonomiku li esperjenza l-pajjiż fl-aħħar snin jitlob ukoll li kwistjonijiet kummerċjali jkunu indirizzati b’aktar effiċjenza.

Quddiem esperjenza personali ta’ żagħżugħa dwar is-sistema korrettiva f’pajjiżna u sfidi differenti marbuta fosthom mal-ordni ta’ ffriżar, Dr Abela nnota bidliet li saru f’dan ir-rigward u qal li s-sistema penali ta’ pajjiżna trid tkompli timxi lejn waħda li tirriforma u tgħin persuni li jirritengraw fis-soċjetà. Qal li l-bidla marbuta mal-ordni tal-iffriżar saret propju biex tindirizza aspetti li kienu eċċessivi.

Intant fil-diskussjoni ssemmiet ukoll s-saħħa mentali u l-Mexxej Laburista saħaq li din hi tema li tista’ tolqot lil kulħadd. Hawn fisser l-importanza ta’ aktar servizzi fil-komunità u qrib in-nies. Dwar l-ippjanar, il-Prim Ministru Robert Abela qal semma prinċipju ewlieni li ħadd ma għandu jiċċaqlaq dwaru, l-ebda tolleranza għal żvilupp fuq art verġni li mhiex għal żvilupp. Il-Prim Ministru nnota wkoll bidla li miexja ’l quddiem biex tidħol fis-seħħ, dik li xogħlijiet ta’ żvilupp ma jsirux sakemm ikun hemm deċiżjoni finali fi stadju t’appell fuq it-tali żvilupp.

Mistoqsi anki fuq proprjetajiet battala u dawk f’żona ta’ konservazzjoni urbana, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li l-Gvern irid ikompli jimbotta politika tal-inċentiv flok introduċa taxxi ġodda. Hawn semma l-eżenzjoni b’saħħitha mit-taxxa fuq proprjetajiet battala u inċentivi favur l-investiment fi proprjetajiet f’UCA. Dwar it-turiżmu, f’diskussjoni xprunata wkoll minn żagħżugħ, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jrid ikompli jħares lejn il-kwalità tat-turist mhux biss f’termini ta’ numri. “Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu f’termini ta’ żieda fin-numru ta’ turisti iżda biex inħarsu lejn il-kwalità rridu nagħmlu għażla favur żvilupp ta’ kwalità. Ma nistgħux ngħidu le għall-ebda żvilupp iżda rridu nħarsu li notjenu għal turiżmu ta’ kwalità frott l-investiment għaqli u ta’ kwalità”, sostna Dr Abela.

Ekonomija

Sport