Wednesday, April 24, 2024

INKWETANTI

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

Ħabib tiegħi reġa’ ġibidli l-attenzjoni dwar kemm hu inkwetanti dak li qed jiġrilhom numru enormi ta’ speċje ta’ annimali: jinqerdu: minħabba t-tniġġis, il-ħerba tal-ambjent fejn jgħixu, il-kaċċa li ssir fuqhom…

Bhejjem kbar u żgħar… minn nemus sa xadini sa balieni… kollha jinsabu fil-linja tal-mewt. Il-bniedem, qalli, żvela ruħu bħala l-aktar essri qerried fil-pjaneta tagħna. Jekk mhux se jitgħallem irażżan lilu nnifsu, se jkun qered lil kull min mhux homo sapiens qabel jinduna xi jkun ġara.

Jekk l-ispeċje tagħna biss tibqa’ attiva fid-dinja, mela għid li l-qerda li jkun baqa’ xi ssir hi tagħna.

Ili nisma’ “qrid” bħal dan tul deċennji twal. Waħda milli bdiethom l-ewwel kienet Rachel Carson, fl-1961 bil-ktieb tagħha “The Silent Spring”, dwar l-effett tal-pestiċidi fuq il-kampanja. Minn żmienha, it-theddid fuq fawna u flora żdied qatigħ, hekk baqa’ jinsisti dal-ħabib tiegħi pjuttost fitt.

MORATORJU

Sar sforz qawwi, ippjanat u maħdum tajjeb mil-lat organizzattiv, biex it-toroq primarji ta’ Malta u Għawdex jitwessgħu, jittawlu u jiġu modernizzati. Veru li l-imxija tal-corona virus irnexxielha tmewwet xi ftit il-lanja organizzattiva, imma mhux daqstant. Fuq ħafna fronti, it-twettiq eżekuttiv kien eċċellenti.

Ix-xogħlijiet qanqlu wkoll kritika minn diversi setturi, parti minnha xierqa.  Id-deċiżjoni li “kollox” jitwettaq “f’salt” minflok li t-titjib isir skont pjan gradat maħdum fuq numru ta’ snin ikkontribwixxa biex fl-interess tal-għaġla, titwarrab il-ħtieġa ta’ konsultazzjoni u kompromess.

Meta dal-programm ta’ ħidma qawwi fuq toroq primarji jitlesta, se jkun hemm bżonn ta’ moratorju fuq xogħlijiet li jikkonċernaw toroq primarji. Forsi, jingħata ħsieb għal pjan iggradat u ffinanzjat tajjeb dwar it-toroq sekondarji.

REGOLI DWAR L-IVVJAĠĠAR

Sal-mument meta qed nikteb, ir-regoli sanitarji għall-ivvjaġġar minn pajjiż għal ieħor qed iduru ċaqlembuta, kif ukoll ir-regoli ta’ saħħa publika li vjaġġaturi li jkunu f’pajjiż iridu josservaw qabel jidħlu f’pajjiż ieħor.

Xejn mhu aktar kuntrarju tal-ispirtu li bih twaqqfet iż-żona ta’ Schengen, li sakemm qamet l-imxija tal-corona virus, baqgħet fost l-aqwa kisbiet tal-għaqda Ewropea f’għajnejn iċ-ċittadini… jekk inneħħu iż-żmien meta t-terroriżmu tal-Iżlam fondamentalista heżżeż il-pedamenti tas-sigurtà Ewropea.

Biss, il-pandemija qed tagħmel l-istess bħat-terroriżmu, b’ħafna aktar qawwa għax ma tattakkax lill-ftit, imma lil kulħadd. U m’għandhiex bżonn ta’ passaporti, foloz jew le, biex taqsam il-fruntieri.

Quddiem iċ-ċaqliq tagħha, għad m’hemmx risposta magħquda li hi konvinċenti. Mhux ta’ b’xejn li t-turiżmu fl-Ewropa qala’ diksata enormi. Lil hinn min hekk, ir-regoli dwar l-ivvjaġġar għadhom imħawda għax iż-żona ta’ Schengen għad m’għandhiex risposta għall-corona virus bħala theddida għas-sigurtà tal-Ewropa.

Sport