Wednesday, April 24, 2024

Il-film li jsellem il-memorja ta’ Helen Reddy

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra tħabbet il-mewt tal-kantanta Helen Reddy.  Hi kienet is-simbolu tal-femminiżmu bil-kanzunetta ‘I Am Woman’.

Min hu midħla tal-kanzunetti tas-snin sebgħin, il-kanzunetta ‘I Am Woman’ insibuha l-ewwel darba fl-album tal-1971, ‘I Don’t Know How To Love Him’.  Il-kanzunetta ‘I am Woman’ tistema’ ukoll waqt li kienu telgħin il-credits tad-drama komika “Stand Up and Be Counted” li ħareġ fl-1972.  Imbagħad Helen Reddy ħarġet ‘I Am Woman’ bħala single fl-1972 u permezz tagħha, l-kantanta Awstraljana kisbet suċċess enormi. 

B’kumbinazzjoni, f’dawn il-jiem ħiereġ għall-wiri l-film bijografiku “I Am Woman” (15). Maħdum taħt id-direzzjoni tad-direttur debuttanta Awstraljana Unjoo Moon, l-attriċi protagonista hi wkoll Awstraljana.  Din hi Tilda Cobham-Hervey.  

Għalkemm l-iscript hu ibbażat fuq l-awtobijografija ta’ Reddy li kienet ippubblikata fl-2006, il-ktieb kellu dettal li għen lill-qarrejja jifhmu għaliex kienet kapaċi tilħaq fil-quċċata tal-mużika; f’dan il-film, mgħandekx idea għala ġara dan. Hija mpinġija bħala ftit iktar minn mara sabiħa b’leħen ħelu … u raġel ħażin, li fl-aħħar jaħrab bid-drama kollha, kif ukoll bil-flus tagħha. Il-femminiżmu spiss ikun fl-isfond. Madankollu il-karattru ta’ Helen Reddy spiss tħossu parteċipant passiv fl-istorja tagħha stess.

Il-film “I Am Woman” jibda bil-kantanta tasal New York fl-1966, determinata li kwalunkwe karriera mużikali serja teħtieġ li tirbaħ l-qalb tal-Amerikani.  Iżda l-kuntratt li rebħet jirriżulta li mgħandux valur, u l-ġiri fil-klabbs bil-kemm kien qed iħallulha biex tħallas il-kera. Meta tikkunsidra li tirritorna l-Awstralja mat-tifla żgħira tagħha mill-ewwel żwieġ diġà fallut, hija tiltaqa’ mal-aġent Jeff Wald (Evan Peters).

Huma jsiru jinħabbu, jmorru flimkien Los Angeles wara li jwiegħda, “Int tkun l-ispettaklu, jien nagħmel in-negozju. Se nagħmlek stilla.” Xorta waħda, hu ma jagħmel xejn biex jgħin il-karriera tagħha sakemm tispiċċa titlob appuntament ma’ studio u hemmhekk tirrekordja l-ewwel single tagħha ta’ suċċess (‘I don’t know how to love him’ mir-rock opera ‘Jesus Christ Superstar’).

Sentiment ta’ protesta personali wassalha biex tikteb ‘I Am Woman’.  Il-lirika donnha waqgħet mis-sema kif ippreżentata fil-film.  Permezz ta’ muntaġġ jeħodha mill-oskurità għas-suċċess, b’ħjiel tal-karriera estensiva li kellha fit-TV.  M’hemm xejn li hi dehret ukoll f’xi films, fosthom bħala s-soru Ruth f’“Airport 1975”.

Imbagħad f’daqqa waħda nsibu rwieħna fl-1982, tkanta f’Las Vegas.  L-enfasi tinbidel primarjament biex Helen Reddy tidher omm mimlija mħabba filwaqt li żewġha Wald jinħakem mill-vizzju tad-droga, iberbaq il-miljuni li hi kienet taqla’.

Tilda Cobham-Hervey tati interpritazzjoni passabbli fil-parti ta’ Helen Reddy.  Għinuha ħafna id-disinjatriċi tal-kostumi Emily Seresin, kif ukoll Nikki Gooley li ħadet ħsieb xagħrha u l-makeup sabiex joħorġu dawk l-istili li jikkarteriżżaw dik l-epoka.

Sport