Thursday, December 26, 2024

“Inkwetati bl-effett tal-għoli tal-ħajja fuq il-ħaddiema”

Il-GWU b’ċerimonja li tfakkar Jum il-Ħaddiem

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bħala l-akbar rappreżentant tal-ħaddiema, il-General Workers’ Union tinsab inkwetata bl-effett li qed iħalli l-għoli tal-ħajja fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Wara sentejn ta’ inċertezza minħabba l-pandemija, il-ħaddiem kien beda jara ftit serħan tal-moħħ iżda bil-gwerra fl-Ukrajna jinsab aktar inkwetat fuq iż-żidiet fil-prezzijiet tal-aktar affarijiet essenzjali, bħall-ikel. Iż-żieda fil-prezzijiet qed iżżid l-inċertezza f’mument meta l-ħaddiem kien qed jittama li kollox jerġa’ lura għan-normal. Quddiem din il-kriżi ġdida li qed jaffaċċja l-pajjiż u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha, l-appell jibqa’ dak favur is-solidarjetà kif ukoll l-għaqda bejn il-Gvern, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem.

Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja waqt ċerimonja li saret fl-Imsida biex ikun imfakkar Jum il-Ħaddiem, fejn l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, Segretarji tat-Taqsimiet u uffiċjali oħra tal-union poġġew fjuri f’riġlejn il-monument tal-Ħaddiem.

Bugeja beda biex qal li f’dan il-jum niċċelebraw il-kisbet soċjali u ekonomiċi li saru matul iż-żmien, irrispettivament ta’ liema ġeneru, nazzjonalità, kulur, grad, qasam ekonomiku u reliġjon li jħaddan. Qal iżda li qegħdin hawn biex infasslu l-futur tagħna flimkien.

“Jum il-Ħaddiem hija wkoll il-ġurnata li nagħtu ġieħ lill-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema lejn is-soċjetà u l-pajjiż tagħna. Huwa importanti li ta’ kull sena nagħtu l-apprezzament annwali tagħna u nazzjonali lejn id-dedikazzjoni u l-impenji tal-ħaddiema li jiggarantixxu t-tkabbir ekonomiku, il-kwalità u l-prosperità tan-nazzjon.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li wara sentejn ta’ pandemija ninsabu fl-aħħar ġranet biex inneħħu r-restrizzjonijiet li kellna ndaħħlu biex nipproteġu s-saħħa tagħna u l-postijiet tax-xogħol tagħna. Iżda matul dawn is-sentejn il-ħaddiem għamel ħafna sagrifiċċji kemm finanzjarji, mediċi u emozzjonali. 

“Ma kinux faċli però bl-għaqda flimkien u solidarjetà rnexxielna nsalvaw l-impjiegi u il-postijiet tax-xogħol. Xhieda ta’ dan huma l-aħħar figuri li ħareġ il-Bank Ċentrali fejn is-sena li għaddiet, il-pajjiż ra tkabbir ekonomiku ogħla mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea u l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. 

“Dan sar bl-għajnuna tal-Gvern li għamel l-akbar investiment fl-istorja, fejn investa €720 miljun fil-Covid Wage Supplement. Iżda l-ħaddiem għamel sagrifiċċji kbar fejn anke ra tnaqqis fil-paga tiegħu biex ħadd ma tilef l-impjieg tiegħu u ma għalaq l-ebda post ta’ xogħol. Dik hija solidarjetà,” kompla jgħid Bugeja. 

Huwa rrikonoxxa li l-effetti tal-pandemija fuq l-futur tad-dinja tax-xogħol, id-dħul u l-kwalità tal-ħajja ħallew ħafna ħaddiema mħassba dwar il-futur b’effett anke fuq is-saħħa mentali tagħhom. Qal li t-trade unions illum f’dinja ta’ xogħol wara l-pandemija qed jiffaċċjaw sfidi oħra, abbużi f’postijiet tax-xogħol li mhux organizzati fi ħdan ta’ trade union, is-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Ħaddiema fil-platform economy, linji gwida li jirregolaw ix-xogħol mid-dar u remot, ligi ta’ xogħol li tkopri l-ħaddiema kollha, il-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, is-sħubija tal-ħaddiema kollha f’unjon tal-għażla tagħhom u t-tibdil fil-klima u diġitalizzazzjoni. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna li l-kooperazzjoni u djalogu soċjali biex naslu għar-riżoluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet tax-xogħol li qed jevolvu huma essenzjali. Min-naħa l-oħra, huwa qal li f’dan il-mument l-akbar inkwiet tal-ħaddiem huwa l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna u l-għoli tal-ħajja. “Invażjoni bla ebda provokazzjoni u raġuni ħlief dik ta’ ġenn u regħba. Ma hemm l-ebda raġuni ġusta, valida u umana li pajjiż jinvadi pajjiż ġar tiegħu sempliċiment għax akbar u għax għandu saħħa militari aktar minnu. 

“Il-paċi tkissret u eluf ta’ persuni ġew maqtula f’din il-gwerra ta’ ġenn. Miljuni kellhom iħallu djarhom u pajjiżhom. Miljuni ta’ ħaddiema Ukreni tilfu kollox, id-dar tagħhom u l-post tax-xogħol tagħhom. Kuljum nisimgħu b’aktar ġlied u aktar telfien tal-ħajja. Kull gwerra ġġib ħerba u qsim il-qalb. Iżda dan mhux l-uniku kunflitt li bħalissa għaddej fid-dinja. Kunflitti fil-Lebanon, fil-Palestina, fis-Sirja u fil-Yemen qed iħallu l-istess effett, il-ġnus ta’ dawn il-pajjiżi, fuq il-pajjiż girien tagħhom u fuq id-dinja kollha. Donnu d-dinja mhux lesta tgħix fil-paċi.”

Bugeja qal li minħabba li d-dinja tax-xogħol saret waħda globali, dawn il-kunflitti speċjalment dak tal-Ukrajna qed iħalli effetti negattivi f’kull post tax-xogħol. “L-effett f’żieda fil-prezz tal-materja prima, l-effett fuq il-ġarr tal-materja prima, l-inflazzjoni, qed ikollhom impatti kbar f’kull post tax-xogħol, f’kull impjieg u l-flus fil-but.”

Huwa semma kif waqt il-pandemija, id-djalogu soċjali ħoloq sens ta’ għaqda, kooperazzjoni, stabbilità u miżuri biex jgħinu lill-ħaddiema u liċ-ċittadini, iżda wkoll lill-kumpaniji, biex ħadd ma jibqa’ mingħajr xogħol u mingħajr dħul. Kien hawn fejn appella lill-ħaddiema kollha li jirrikonoxxu l-valuri u l-isforzi li ta’ kuljum tagħmel il-General Workers’ Union u jingħaqdu magħhom biex jagħmlu differenza fil-post tax-xogħol tagħhom. “Il-membri tagħna huma involuti direttament fil-futur tal-post tax-xogħol tagħhom, fil-ħolqien u fil-bini ta’ dinja tax-xogħol ta’ għada.”

Filwaqt li nnota kif f’dawn l-aħħar snin il-Gvern ta sostenn u investa bi kbir fil-ħaddiema, Bugeja qal li min-naħa tagħhom il-ħaddiema – sew jekk impjegati pubbliċi, dawk f’settur pubbliku u dak privat – żguraw li l-ekonomija Maltija tibqa’ ddur u tikber. Qal li huma ġarrew parti kbira tal-piż. 

“Ħafna poġġew is-saħħa mentali u fiżika tagħhom għas-servizz tas-soċjetà. Insellem u nirringrazzja b’mod partikolari lill-ħaddiema kollha li ħadmu bla heda biex il-pajjiż seta’ joħroġ mill-pandemija u jibqa’ miexi ‘l quddiem. Il-professjonaliżmu, il-kompassjoni u l-etika tax-xogħol huma ta’ tifħir.”

Huwa qal li ma nistgħu qatt ninsew il-valuri tagħna ta’ solidarjetà, tal-ġustizzja soċjali, tad-drittijiet fundamentali fil-postijiet tax-xogħol, u lanqas id-determinazzjoni tagħna li nibnu futur aħjar għall-membri tagħna u l-ħaddiema inġenerali. Dan fi kliemu huwa t-tifsira u l-iskop ta’ Jum il-Ħaddiem. 

“It-tama hija li tagħtina kuraġġ li nkomplu naħdmu, it-tama hija dik li tagħti lill-membri biex ifasslu l-futur tagħhom fil-post tax-xogħol, it-tama hija dik li tagħti s-saħħa liċ-ċittadin biex jikkontribwixxi għat-titjib tas-soċjetà. Grazzi Ħaddiem u minn qalbi nsellimlek,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

Sport