Sitt ijiem maqbudin f’Dubai. Jistennew li kif ikun possibbli ikunu evakwati lejn pajjiżna. L-ansjetà hi kbira minħabba l-istennija. Dejjem jistennew għal dik it-telefonata jew messaġġ li jindikalhom meta se jiġu lejn pajjiżna. Quddiem din is-sitwazzjoni, L-ORIZZONT tkellem ma’ grupp ta’ għaxar Maltin li jinsabu fil-port ta’ Rashid f’Dubai. Spiċċaw maqbuda għax kienu abbord il-cruise liner MSC Eurasia, meta nbdew l-attakki. Huma esperjenzaw l-attakki bid-drones u bombi fuq l-Ambaxxata Amerikana li kienet tinsab ftit bogħod. Fi kliemhom stess, “inqala’ paniku kbir. Drones u bombi għaddejjin minn fuqna. Tal-biża’. Tat-twerwir”.
Wieħed mill-Maltin li tkellem ma’ L-ORIZZONT qalilna li “aħna qegħdin ġol-port ta’ Dubai, Rashid. Qegħdin għaxar Maltin u wieħed jinsab fis-siġġu tar-roti. Ħeina biex nistrieħu ftit u ma konniex nafu li se jkun hawn il-gwerra. Meta ġejna kien hawn il-kwiet. Flok ġejna għal kwiet, f’daqqa waħda inbidel kollox. Inbidel kollox f’xi ħaġa li tista’ tgħid li werwritna u li qatt ma ġratilna qabel f’ħajjitha.”
Ikompli jgħid li “ftit bogħġod minnha kien hawn l-ambaxxata, u sar attakk fuqha. Immaġina minn fuqna rajna id-drones għaddejjin biex ikissru l-ambaxxata. F’ħin minnhom anke bdew idoqqu l-alarm fuq il-mowbajl. Beda jitla’ kliem bl-Għarbi li lanqas nagħrufhom imma jindikawlek li kien se jsir attakk”.
Jenfasizza li “trid țară x’paniku inqala’. Tfal, nisa, xjuħ, kulħadd jiġri għax tipprova tistkenn mill-bombi li kienu għaddejjin. Biża’ kbira biex issib lil tal-familja madwarek, għax min inqabad ‘lhawn ‘u min ‘lhemm. Kelli lil dan tal-wheelchair qed nieħu ħsiebu għax ma riedux jorbtulu saqajh. Tat-twerwir, tal-biża. Nirringrazzja lill-awtorijiet li ħadu ħsiebna. Għandna lil Maria Camillieri, l-ambaxxatriċi għall-Emirati li qiegħda tgħinna”.
Intant proprju fl-aħħar sigħat l-ajruport ta’ Dubai reġa’ infetaħ u bdew isiru xi titjijriet għalkemm is-sitwazzjoni għadha waħda mhix ċara u t-traffiku tal-ajru għadu pjuttost ristrett.



