Nisimgħu dwar il-miżuri li jittieħdu biex it-traffiku tal-karozzi fit-toroq jitnaqqas. Ta’ min wieħed jistaqsi: Kemm qed jirnexxu dawn il-miżuri? Jista’ jkun li hemm bżonn ta’ analiżi oġġettiva tal-impatt tagħhom.
Issa miżuri li qed jittieħdu ma tistax tmaqdarhom. Bħat-trasport b’xejn fil-karozzi tal-linja u fil-ġarr bejn naħa u oħra tal-Port il-Kbir. Żdied bil-kbir l-użu tagħhom u ma tistax tgħid li mhux qed ikunu suċċess popolari. Il-mistoqsija tibqa’ madankollu: Kemm dawn il-miżuri qed jirnexxu biex inaqqsu mbagħad it-traffiku? Jidher li ma tantx qed jinrexxielhom, fis-sens li t-traffiku tal-karozzi mhuwiex jonqos, imma baqa’ jiżdied.
Kif jista’ le, jekk minn sena għal sena n-numru ta’ karozzi fit-toroq dejjem jiżdied b’rata li mhijiex żgħira? Problema kbira f’dan kollu hi li biex it-traffiku jitnaqqas, iridu jittieħdu miżuri drastiċi – ta’ taxxi, ta’ kwoti… – li d-demokrazija tagħna mhijiex kapaċi tassorbi. La l-karozzi jkompli jiżdiedu, l-istess it-traffiku.
LIL HINN MILL-MALTIN
Ilni s-snin ninnotaha. Diplomatiċi barranin kienu jsemmuhieli, b’diskrezzjoni li tifhimha. Il-poplu Malti ftit isegwi xinhu jiġri barra minn xtutu, jew meta jsegwi, ftit jimportah minn x’qiegħed jiġri.
Issa niddubita kemm dejjem kienet hekk. Fi żminijiet oħra, ilu ħafna, niftakar lill-perit Mintoff u anke l-avukat Fenech Adami fid-diskorsi tagħhom jitkellmu dwar x’kien qed jiġri barra pajjiżna waqt li jorbtuh mal-futur tagħna. Mhux aktar.
Suppost li bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea sirna aktar sensittivi għal kif inhuma sejrin l-affarijiet “barra”. Ma jidhirx li ġara hekk. Aktar qisu l-poplu Maltin ingħalaq f’qoxra li minnha xejn ma jista’ jaqilgħu. Fiha jrid jibqa’ jgħix il-ħajja li dejjem għex.
MINFLOK INVESTIMENT
Għal snin dan l-argument baqa’ jitqajjem fl-istanzi Ewropej, mill-Parlament sal-Kunsill Ewropew. Ir-regoli Ewropej li jissettjaw il-badgets tal-pajjiżi membri ħalli kemm jista’ jkun, iġibu l-miri u r-riżultati qrib ta’ xulxin ma jagħmlux differenza bejn spiża rikorrenti u investment.
Ikun hemm gvernijiet li dalwaqt jiffaċċjaw elezzjoni u jridu jiddeċiedu kif se jnaqqsu mil-baġits tagħhom. Jekk hux mill-ispiża rikorrenti li biha jħallsu għall-pagi tal-impjiegi jew biex joħolqu impjiegi ġodda; jew mil-lista ta’ investimenti li suppost isiru.
Kollha… mil-lemin għax-xellug għall-estremi l-oħra… jagħżlu li jnaqqsu fl-investimenti. F’demokrazija, l-aqwa huma l-voti. Allura kullimkien issib li l-infrastrutturi li jridu jinżammu ħajja permezz tal-investiment, waqgħu lura. F’pajjiżi varji, mill-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, fost il-“kbar” għaż-“żgħar” fosthom Malta, dil-ħaġa tispikka.
Biss imbagħad, l-istess ħaġa tiġri fi ħdan il-pajjiżi awtoritarji jew anke dittatorjali. In-nefqa meħtieġa fl-infrastruttura dejjem iċċedi postha għan-nefqa rikorrenti, maħsuba biex iżżomm lill-poplu kuntent b’ħajtu tal-lum.