Sunday, November 24, 2024

“Inqatlet tfajla u qed noqtlu omm!” – id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef

Aqra wkoll

Id-Deputat Laburista Jean Claude Micallef kien fost dawk il-persuni li fl-aħħar sigħat ikkummenta ukoll fuq l-aħħar każ ta’ femiċidju. 

Hu qal li “kulħadd ixxukja ruħu bl-aħbar tal-ewwel allegat delitt tas-sena. Kull qtil hu makabru, femiċidju jew le. Iżda li tinqatel mara għax mara tweġġgħani iktar f’soċjetà li għada lura biex tpoġġi lill-uliedha f’kejl ugwali sesswalment. 

Ħafna rrikorrew għal midja soċjali biex joqtlu liż-żagħżugħ suspettat bħala l-aggressur li wettaq id-delitt. B’kull kelma mnissla, titli mgħajra u kundanni qatlu wkoll lill-ommu u l-familtu.”

Tenna li “l-biża u l-injoranza huma l-ikbar qattiela tar-raġuni, tal-empatija u tal-evoluzzjoni tal-bniedem. Dan l-istess aġir fuq dożi differenti ġie esebit kemm mill-allegat qattiel lejn il-povra Pollakka u anke mill-ħafna kittieba lejn il-familja taż-żagħżugħ Malti.  Dan l-ewwel delitt juri kemm għandna soċjetà mejta quddiem l-edukazzjoni sesswali, s-saħħa mentali u l-litteriżmu diġitali. 

Imxejna lejn l-2022 imma waqt li għandna tant għodda f’idejna m’aħniex nipproduċu qafas sod ta’ soċjetà li tibni individwi b’saħħithom. Qed nagħżlu li nħallu ż-żmien isajjar il-bajtar u meta nmissu max-xewk narmu l-frott għax imxewwek.”

Enfasizza li “l-aħħar nifsijiet ta’ Paulina Maria Dembska mhumiex biss qtil ta’ tfajla innoċenti. L-aħħar tantrums tas-suspettaat mhumiex biss atteġġjament ta’ ferneżija. Huma flimkien l-aħħar alarm li Malta għandha bżonn tiġġedded mhux biss fil-liġijiet imma fuq kollox fil-mentalijiet kif titratta l-ġenerazzjonijiet li tilgħin bi ħtieġa kbira ta’ għożża, kura u appoġġ lejn 3 suġġetti li jissarfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Tenna li “l-aħħar kummenti li qrajt kienu stalletti lejn mara oħra li ntortament ġiet imħaġġra mis-soċjetà tagħha stess fuq aġir ta’ binha li ma taħti f’xejn għal kundizzjoni mentali u anqas għal azzjonijiet imwettqa. Omm is-suspettat, mara wkoll u kelmitna taf tkun arma li tinfed.  Is-soċjetà issalva meta l-prudenza, l-etika u r-rispett isiru intrinsikament parti mill-identità tagħna. Sa ma naġixxu mod ieħor inkunu qed noqtlu kull tama li nsalvaw soċjetà. Il-vjolenza hi kundannabbli f’kull forma tagħha.”

Sport