Tuesday, May 14, 2024

L-Omicron jifred il-mexxejja Ewropej

Aqra wkoll

Is-summit Ewropew li sar ftit jiem qabel il-Milied fi Brussel bejn il-mexxejja tas-27 stati membri tal-Unjoni Ewropea ħareġ fil-beraħ il-qasma li teżisti bejn l-istati membri dwar il-varjant omicron tal-Covid-19. Din il-qasma dehret anki minkejja li l-istess mexxejja saħqu fuq il-ħtieġa ta’ iktar koordinament bejniethom.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Ewropea, Euronews irrimarkat kif l-Italja, il-Greċja, il-Portugall u l-Irlanda qed jimxu u jaġixxu għal rashom tant li ntroduċew miżuri addizzjonali ġodda fosthom li jagħmlu testijiet tal-PCR anki fuq ċittadini Ewropew li jkunu diġa mlaqqma. Il-biża hi li ċ-ċertifikat Ewropew tal-Covid għaċ-ċittadini Ewropew dalwaqt jiskadi darba għal dejjem.

Waqt is-summit, il-Prim Ministru tal-Italja, Mario Draghi insista fuq il-ħtieġa li jkunu nrodotti dawn il-miżuri l-ġodda. Mhux il-membri kollha iżda jaqblu ma’ dan. Tant li min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez mhux biss faħħar iċ-ċertifikat Ewropew imma wkoll qal li se jkompli jagħti l-appoġġ kollu tiegħu għal dan iċ-ċertifikat.

Minbarra t-taħditiet iebsa dwar il-virus, il-mexxejja tal-UE kellhom ukoll problema oħra f’ħoġorhom waqt is-summit. Għal darb’oħra, ir-Russja kellha rwol ċentrali fit-taħditiet tagħhom.

Il-mexxejja Ewropej wrew it-tħassib tagħhom dwar rapport reċenti tal-intelligence tal-Istati Uniti li 175,000 truppi Russi kienu qed jinġabru fil-fruntiera tal-Ukrajna.

“Probabbilment qed niffaċċjaw l-aktar sitwazzjoni perikoluża f’dawn l-aħħar 30 sena. Għalhekk irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nipprevjenu l-agħar xenarju” qal il-President Litwan Gitanas Nauseda qabel is-summit.

L-Ukrajna, għax beżgħana, trid li l-UE taġixxi qabel issir xi mossa russa iżda din mhix mossa li l-mexxejja Ewropew lesti li jagħmlu. Minflok, huma għamlu sensiela ta’ theddid.

Sport