Saturday, May 4, 2024

“Inqis lili nnifsi fortunat li lgħabt ma’ Diego Maradona fit-team ta’ Napoli”

L-Eks Difensur Taljan, Antonio Carannante

Aqra wkoll

Antonio Carannante twieled fil-belt Taljana ta’ Nola fit-23 ta’ Ġunju 1965 u llum il-ġurnata għandu 56 sena. 

Kien difensur ferm taj­jeb tas-snin 80 u 90 fejn l-aqwa tal-karriera tiegħu għamilha ma’ Napoli bejn l-1981 u l-1989. Hu lagħab mal-leġġendarju Arġentin, Diego Armando Maradona, fejn miegħu rebaħ diversi unuri fosthom il- Kampjonat Taljan tas-Serie A (1986-87), il-Coppa Italia (1986-87) u t-Tazza UEFA (1988-89).

Wara li spiċċa l-esperjenza tiegħu mal-Partenopei, ingħaqad ma’ Lecce sabiex eventwalment libes ukoll il-flokkijiet ta’ Piacenza, Avellino u Nola.

Fil-karriera tiegħu ma tantx skorja goals peress li kien jilgħab bħala difensur. Fil-fatt huwa kellu s-sodisfazzjon li jiċċelebra biss sitt goals tul karriera professjonali ta’ 15-il sena.

Fuq livell internazzjonali, Carannante lagħab sitt darbiet mat-team nazzjonali Taljan ta’ Taħt il-21 sena għalkemm qatt ma kellu s-sodisfazzjon li jilgħab mat-team tal-kbar.

Aktar tard huwa qabad il-karriera ta’ coach fejn mexxa liż-żgħażagħ ta’ Napoli filwaqt li ngħaqad ukoll mat-timijet tad-dilettanti ta’ Neapolis u Turris Neapolis.

Ritratt: Roberto Carannante (Il Mio Napoli)

L-imħabba li għandu lejn ir-reġjun tal-Campania hija waħda enormi tant li kemm fil-karriera bħala player u dik preżenti bħala coach dejjem kien ma’ ti­mijiet ta’ dik iż-żona.

Dan l-aħħar Carannante flimkien mal-ex kollega kienu mistiedna minn Napoli Club Malta biex iqat­tgħu ftit żmien fil-Gżejjer Maltin filwaqt li jiltaqgħu mal-partitarji numerużi Maltin ta’ dan il-club. 

Talk.mt kellu ċ-ċans ukoll li jingħaqad ma’ Carannante li bil-karattru allegruż tiegħu żewwaq mhux ftit din l-intervista.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Bħal kull tifel ieħor mir-reġjun tal-Campania, konna nqattgħu sigħat sħaħ nilagħbu fl-għelieqi abbandunati, fl-oratorju fejn konna nattendu u fil-btieħi li konna nsibu mif­tuħin. 

Konna nilagħbu mis-sebħ sad-dlam u l-ħin kien litteralment jieqaf. Ma konna ngħejjew qatt u s-sodisfazzjon tagħna kien dejjem dak li jkollna ballun biex nagħtu daqqtejn.

Ma kinux jeżistu limiti u konna nilagħbu u nieħu gost filwaqt li nuru l-ħiliet individwali tagħna. Kien żmien sabiħ li ma nistax ninsa.

Kien żmien meta tifel kien jitwieled bħala player u fuq kollox li l-ewwel rigal li kien ikollu kien ballun tal-ġilda.

Jien personalment ridt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’dan l-isport u kien għalhekk li fis-sena 1980 ingħaqadt mal-club tant għal qalbi, Napoli.

Irnexxieli nagħmel il-grad ma’ dan it-team tant li sena wara kelli ċ-ċans nil­għab b’mod regolari.

Kelli biss 17-il sena u niftakar dik il-logħba kontra Torino li fiha kont dħalt bħala sostitut. B’xorti ħażina għamilt staġun barra mil-logħob minħabba injury li kelli u minn dak il-kampjonat li ħadna fl-1987 jien kont ħadt sehem fi ftit partiti biss.

Imbagħad ftit wara kien wasal Diego Armando Maradona u minn hemm bdiet tinkiteb l-istorja. Li ġara wara kulħadd jafu!

Semmejt lil Diego Armando Maradona. Kif kont tmur miegħu bħala player kollega?

Diego Armando Maradona kien bniedem umli ħafna li kien imur tajjeb ma’ kulħadd. Minkejja li kien jagħmel affarijiet ta’ barra minn hawn bil-ballun, qatt ma ftaħar jew ħassu superjuri ma’ sħabu.

Kien jgħidilna li hu bniedem tad-demm u l- laħam bħalna u li anke hu fadallu x’jitgħallem.

Jien personalment nin­sab ferm fortunat li kelli ċ-ċans insir nafu u saħansitra nilgħab miegħu. Kien żmien li ma ninsa qatt.

Kif kienet tkun l-atmosfera fi Stadio San Paolo kull meta Napoli kienu jilagħbu b’mod partikolari fis-snin 80?

Bla dubju li s-snin 80 kienu tad-deheb għal Napoli u għall-partitarji akkaniti tal-club. 

L-atmosfera kienet tkun waħda sabiħa ferm u l-ground kien ikun ippakkjat. Ġieli kien hemm okkażjoni fejn minkejja li s-San Paolo jesa’ 90,000 spettatur, mhux darba jew tnejn li kien ikun hemm kważi 100,000. 

L-avversarji li kienu ji­lagħbu kontrina kienu jib­qgħu lura għax kif jgħidu t-Taljani “il San Paolo di­venta una bolgia” (Stadio San Paolo jsir qisu l-infern bil-partitarji jgħajtu u jin­koraġixxu bil-korijiet tagħ­hom).

X’tikkummenta dwar it-team ta’ Napoli tal-lum il- ġurnata?

Dan l-istaġun kont nemmen li stajna nirbħu xi ħaġa. Kellna l-ewwel parti tal-istaġun ferm tajba fejn f’xi mumenti konna wkoll qed naqsmu l-ewwel post tal-klassifika ma’ AC Milan li eventwalment spiċċaw champions. 

Minkejja kollox, bejn nofs l-istaġun sal-aħħar tlifna diversi punti u l- aħħar tliet telfiet li sofrejna tefgħuna ferm lura mill- quċċata. 

Hemmhekk jien qtajt qalbi li stajna nirbħu xi ħaġa. Ilna ma nirbħu l-kampjonat mhux ħażin iżda sfortunatament se jkollna nistennew sabiex nerġgħu niċċelebraw. 

Forsi l-coach Luciano Spalletti m’għarafx juża sew lill-attakkant Belġjan Dries Mertens li ilu magħna kważi għaxar snin, jagħti qalbu għat-team u jkollu wirjiet tajbin. 

Naħseb li seta’ kien hemm iktar kattiverija sportiva fil-ground għax din hi importanti sabiex tas­al għat-tragwardi li wie­ħed jixtieq. 

Kif inbidel il-football miż-żmien li kont tilgħab int sal-lum il-ġurnata?

Nista’ ngħid li l-football inbidel mil-lejl għan-nhar. Qabel player kien jispikka bit-teknika individwali li kien ikollu filwaqt li llum hemm iktar kollettiv anke għax il-coaches saru iktar pragmatiċi fit-tattiċi tagħ­hom.

Illum jispikka ħafna kemm il-coach ikun kapaċi jfassal tattika partikolari u għaldaqstant il-player ta’ talent ma tantx għandu ċans jesprimi dak li jaf għax jiġi limitat. 

Ftit għadek tara players li litteralment jaqbżu difiża sħiħa bħalma għamel Ma­radona ħafna drabi magħna u anke fil-logħba tat- Tazza tad-Dinja tal-1986 kontra l-Ingilterra. Dak kien żmien ieħor!

Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk il-partitarji Maltin ta’ SS Napoli.

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lil Napoli Club Malta tal-merħba kbira li tawna u li litteralment ingħatajna trattament straordinarju. 

Grazzi wkoll lid-diversi partitarji Maltin ta’ dan il-club leġġendarju li kellmuna u faħħruna b’dak li għamilna ma’ Napoli ħafna żmien ilu. 

Kemm jien kif ukoll Alessandro Renica konna ferm kuntenti li ġejna fil-Gżejjer Maltin.

Bħala messaġġ nixtieq ngħid lill-partitarji ta’ Napoli sabiex jibqgħu jemmnu fit-team, fil-players u fid-diriġenza. 

Veru li dejjem ersaqna viċin li nirbħu xi unur u nemmen li xi darba għad jasal dak iż-żmien fejn in­kunu nistgħu niċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat għal darb’oħra.

Sport