Wednesday, December 25, 2024

INSAĦĦU L-PROTEZZJONI TAL-ADULTI B’DIŻABILITÀ

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa li għadda kien jum storiku għal pajjiżna u għal kull persuna adulta b’diżabilità. F’The Hague, l-Olanda, iffirmajna l-Konvenzjoni Hague li permezz tagħha se tissaħħaħ il-protezzjoni tal-persuni adulti b’diżabilità fuq livell internazzjonali. Malta issa saret is-17-il Membru Stat li ffirmat din il-Konvenzjoni. 

L-iffirmar ta’ din il-Konvenzjoni huwa pass ieħor fil-vjaġġ ta’ riformi li embarkajna fuqu biex ngħixu f’pajjiż aktar inklussiv. Għal darb’oħra bgħatna messaġġ qawwi ta’ tolleranza zero lejn kull azzjoni li jista’ jkollha l-intenzjoni li tnaqqar mill-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità. Messaġġ li qegħdin nibagħtuh mhux biss fuq livell nazzjonali imma wkoll internazzjonali.

Ftit qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017 kien tpoġġa għall-konsultazzjoni pubblika l-ewwel Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Adulti b’Diżabilità. Abbozz li kien qed iħares bil-quddiem tant li kien jinkludi l-Konvenzjoni Hague 2000 li dwarha kienet qed issir enfasi qawwija min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Din il-leġiżlazzjoni tkompli tibni fuq leġiżlazzjoni oħra li tindirizza diskriminazzjoni u abbuż minn adulti vulnerabbli billi tmur ‘il hinn minn rimedji ta’ drittijiet umani u sanzjonijiet kriminali. Leġiżlazzjoni li tipprovdi qafas prattiku, fejn persuni dedikati, b’konsultazzjoni ma’ professjonisti, u bis-sehem sħiħ ta’ persuni adulti b’diżabilità u dawk qrib tagħhom, jistgħu jagħmlu rapporti, iniedu investigazzjonijiet u joħorġu ordnijiet protettivi u anke jekk ikun meħtieġ ordnijiet ta’ emerġenza.

Ir-ratifikar tal-Konvenzjoni Hague filwaqt li jirrendi lil pajjiżna bħala pijunier f’aspett ieħor fejn jidħlu drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, se jkun qed jipprovdi aktar opportunitajiet għal ċittadini Maltin b’diżabilità biex jibbenefikaw minn protezzjoni aktar tikber fi ħdan l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam. Fl-istess waqt Malta tkompli tibbenefika aktar mill-qrib minn riżultati ta’ koperazzjoni Ewropea mifruxa u tenfasizza li aħna kommessi lejn din il-kawża fix-xena internazzjonali.

Ħidmietna b’risq il-persuni b’diżabilità ma tieqaf qatt. Id-determinazzjoni tagħna li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura tkompli tixprunana lejn din il-mira.

KARMENU MIFSUD BONNICI

Il-ġentlomerija, l-onestà, il-prudenza, is-serjetà, l-umiltà huma ħames aġġettivi, fost oħrajn, li jinkwadraw perfettament mal-persuna tal-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, eks-Prim Ministru u eks-Mexxej tal-Partit Laburista li nhar it-Tnejn li għadda tajnih l-aħħar tislima. Tislima mill-aktar xierqa anke jekk fuq xewqa tiegħu stess, li fiha kompliet tispikka l-umiltà ta’ dan il-bniedem, il-funeral tiegħu ma kienx wieħed statali kif xtaq li jkun il-Gvern.

Il-karattru ta’ dan il-bniedem, li għalih il-ħaddiem kien l-akbar u l-aqwa prijorità tal-ħidma professjonali tiegħu, kien wieħed li jġegħlek tinġibed lejh. Litteralment iġegħlek tħobbu. Dak kollu li ngħad dwaru sa mill-minuta li tħabbret il-mewt tiegħu wara l-età sabiħa ta’ 89 sena, jixhed dan kollu. Tkellem dwaru min tkellem dwaru. Minn kull faxxa tas-soċjetà Maltija.

Issib min jgħid li Karmenu Mifsud Bonnici ma kienx maqtugħ għall-politika eżattament minħabba l-karattru tiegħu. Ma kienx faċli tidħol fit-tmexxija tal-Partit Laburista kif daħal Karmenu Mifsud Bonnici meta tqis li daħal wara ġgant politiku bħalma kien Dom Mintoff. Lanqas l-esperjenzi li kien għaddej minnhom il-pajjiż dak iż-żmien ma kienu tant sbieħ. Għax Karmenu Mifsud Bonnici ma daħalx fix-xena politika Maltija bħala Mexxej tal-Partit Laburista biss, imma wkoll bħala Prim Ministru.

L-istorja ta’ pajjiżna titkellem waħedha dwar kemm bsaten fir-roti kellu Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien. Bsaten fir-roti f’kull forma, xorta u daqs tagħhom. Karmenu Mifsud Bonnici rnexxielu jżomm partit magħqud. Irnexxielu jkompli jmexxi Gvern li kompla fuq dak kollu li għalih huma magħrufin Gvernijiet Laburisti, l-interessi taż-żgħir. Tal-batut. Tal-ħaddiem. Il-prinċipji Soċjalisti implimentahom bis-sħiħ fl-interess ta’ dawn kollha.

Karmenu Mifsud Bonnici baqa’ jikkontribwixxi sakemm baqa’ jiflaħ. Il-Partit Laburista u Malta tlifna bniedem li min verament jemmen fis-serjetà u l-onestà għandu jħares lejh bħala mudell.

Strieħ fis-sliem Karmenu. Jixraqlek fuq li jixraqlek.

Ekonomija

Sport