Sunday, October 27, 2024

INSELLMULEK TONY

Aqra wkoll

Illum nagħtu l-aħħar tislima lil Toni Zarb. Ħabib, kollega u ġgant fis-settur tredjunjonistiku lokali. Ġgant bil-mod kif dejjem kien ħerqan li jkun il-leħen sod f’isem sħabu. Suldat tal-azzar li ħabb lil Malta, lill-GWU, il-Partit Laburista u fuq kollox, lill-poplu Malti. Protagonist fil-ġlieda biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull ħaddiem, u biex jara li verament jingħata il-ġieħ u l-apprezzament mistħoqq.

Protagonist bil-mod kif wassal għal deċiżjonijiet u riformi importanti. Protagonist bil-mod kif ikkontribwixxa lejn il-progress soċjo-ekonomiku li sar fil-pajjiż kemm dam fil-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

Niftakruh sew jikkumbatti permezz ta’ protesti kbar fit-toroq kontra ż-żidiet fit-taxxi u fil-prezzijiet ta’ kollox. Dan dejjem għamlu bl-ghajta karatteristika tieghu ta’ “issa daqshekk!” Dan dejjem għamlu b’viżjoni u b’determinazzjoni. Dan dejjem għamlu b’konvinzjoni li l-ħaddiem huwa għandu jingħata l-ġieħ u r-rispett mistħoqq għal dak li jagħmel biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. 

U filwaqt li bosta jiftakru dik il-qilla li kellhu, fil-verità Tony kien bniedem umli u ġust. Kien bniedem ta’ qalb tajba u dejjem jara kif jista’ jagħti daqqa t’id lill min kien fil-bżonn. Kien bniedem ta’ prinċipju u jemmen tassew fil-ġustizzja soċjali. Il-ġustizzja soċjali, tema li baqa’ jemmen u jinsisti fuqha anke meta saħħtu ma baqgħetx li kienet.

Illum insellmulu għal dak li għamel, kiseb u għal dak li stinka tant għalih. Illum insellmulu għal dak li kkontribwixxa għalih, għar-riformi li ġab. Fuq kollox insellmulu għal-legat li ħalla għax wara kollox, dak kollu li sar fiż-żmien li kien Segretarju Generali tal GWU għadu importanti, għadu rilevanti illum iktar minn qatt qabel. 

Insellmulek Tony!

Sport