Friday, May 17, 2024

“Ir-responsabbiltà tal-psikjatri mqabbda biex jiddeterminaw l-istat ta’ saħħa mentali f’att kriminali mhix żgħira”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mingħajr ma nagħmlu referenza għal xi każ partikolari, dan is-sit flimkien mal-psikjatra Mark Xuereb, qiegħed jagħti spjegazzjoni ta’ xi jwassal biex persuna li tkun għamlet att kriminali, serju kemm huwa serju, ma tiffaċċjax proċeduri fil-Qorti. Flimkien naraw x’inhuwa l-proċess li bih jinħareġ rapport mill-psikjatri maħtura bħala esperti għall-Qorti li fih jiġi deċiż jekk fil-ħin tal-att kriminali, l-akkużat kienx fi stat mentali f’saħħtu biex jagħraf, jifhem u jġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li jkun għamel.

Lil Dott. Mark Xuereb staqsejnih x’inhija d-definizzjoni tal-“insanity plea” – mhux ħati għal raġunijiet ta’ stat ta’ saħħa mentali mhux tajba, x’inhuma l-implikazzjonijiet tagħha u kif il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa jaslu għaliha. 

Mekkaniżmu legali…

Dan il-psikjatra li jmexxi l-Crisis Resolution Malta qalilna li, “id-difiża abbażi stat mentali mhux tajjeb fil-ħin tal-att kriminali huwa mekkaniżmu legali li f’ċirkostanzi speċifiċi jeżenta lill-persuna milli tkun responsabbli għall-imġieba kriminali tagħha minħabba mard mentali. “Ta’ min għid li din hija difiża li ilha tiġi applikata minn żmien il-Griegi u r-Rumani antiki u hija mniżżla fl-Iskritturi b’distinzjoni ta’ aġir jew attentat li jista’ jiġi abbinat ma’ ħtija fejn in-nies li kienu fi stat ta’ ġenn kienu mqabblin ma’ tfal. Fil-fatt hemm ukoll referenza fin-Napoleon and Cole li kienet punt ta’ riferiment għal-leġislazzjoni Ewropea tul is-seklu 19”.

Xuereb spjega li fil-kamp forensiku u fil-kamp legali hemm il-Mc Naughten Rule. Din tgħid li persuna imputata ma tistax tkun responsabbli għall-att kriminali li għamlet jekk minħabba mard mentali din il-persuna ma kinitx taf in-natura u l-kwalità tal-att li kienet qiegħda tagħmel jew, jekk kienet taf din ma kellhiex idea li dak li kienet qiegħda tagħmel kien ħażin. 

F’dan il-każ, id-difiża trid tipprova li l-persuna kellha xi difett fir-raġuni minħabba mard mentali/psikoloġiċi. Jiġifieri, il-kriterji tal-Mens Rea (tinduna li qiegħed tagħmel xi ħaġa ħażina)  u l-Actus Reus (tinduna li dak l-att huwa ħażin u kontra l-liġi), ma jkunux sofisfatti. Wieħed irid ukoll jara li meta jitla’ l-Qorti l-imputat ikollu l-kapaċitajiet mentali kollha tiegħu. 

Furur u rabja

“Meta jkun hemm dawn is-sitwazzjonijiet u dan narawh anke fl-Istorja umana, iqum ħafna furur u rabja fost in-nies. Fil-fatt Mc Naughten huwa wieħed minnhom u anke l-każ ta’ Ronald Reagan. Persuna li ppruvat toqtol lil Reagan ma kienx intbagħat il-ħabs minħabba li f’dak il-mument kien qiegħed isofri minn mard mentali serju,” speċifika Xuereb. 

Huwa qal li aktar kontroversjali hija meta persuna hija kkonsumata bid-droga għax tidħol il-mistoqsija jekk wieħed jistax japplika d-difiża ta’ stat ta’ saħħa mentali mhux tajjeb meta ħa d-droga u permezz ta’ dik id-droga kkontribiwwixa dak ir-reat. 

“Dan huwa dibattitu jaħraq għal diversi studjużi kemm fil-kamp legali, kif ukoll dak forensiku psikjatriku. Fil-fatt fl-Amerika jekk persuna tieħu d-drogi volontarjament, ma jfissirx li wieħed awtomatikament jista’ japplika għall-insanity plea. Tajjeb li wieħed jikkonsidraha imma, kull każ huwa differenti,” spjega dan il-psikjatra. 

Huwa semma’ żewġ każijiet rarissimi oħra – il-PTSD (Post Traumatic Stress Disorder) fejn iseħħ inċident (trigger) li tqajjem rabja jew emozzjoni u l-persuna tintilef u toqtol jew tagħmel reat; u l-Automatism li sseħħ meta persuna ma tkunx konxja tal-aġir tagħha u m’għandhiex kontroll fuqha nnfisha. 

Eżempji ta’ Automatism hemm sleep walking (meta persuna timxi waqt li tkun rieqda), stat ta’ ipnożi, id-dissociative fugues li hija kundizzjoni b’diżordni metaboliku u l-epilessija. F’dawn il-każijiet il-persuna taħt il-kunċett ta’ Automatism tista’ titlob difiża ta’ stat mentali mhux tajjeb fil-mument li sar l-att kriminali.

Esperti b’taħriġ, esperjenza u maturità oġġettiva

Huwa qal li biex wieħed jistabbilixxi jekk l-imputat fil-fatt kienx fi stat ta’ mard mentali tajjeb waqt li għamel l-allegat att kriminali, il-Qorti tappunta tliet esperti psikjatriċi li għandhom it-taħriġ, kif ukoll ċerta esperjenza u maturità oġġettiva f’każijiet bħal dawn. 

“Ir-responsabbiltà li għandhom dawn il-psikjatri mhiex żgħira,” sostna Xuereb fejn żied li, “dan għax iridu jmorru lura fil-mument tal-att kriminali u jiddeterminaw jekk f’dak il-mument, din l-azzjoni jew nuqqas tagħha, kinitx kaġun ta’ stat ta’ mard mentali”. Fi ftit kliem, wieħed irid japplika l-Mc Naughten Rule. 

“Persuna ma tistax tkun responsabbli għall-att kriminali li għamlet jekk minħabba mard mentali din il-persuna ma kinitx taf in-natura u l-kwalità tal-att li kienet qiegħda tagħmel jew, jekk kienet taf din ma kellhiex idea li dak li kienet qiegħda tagħmel kien ħażin”

Mark Xuereb

Huwa elabora aktar fejn qal li l-psikjatri jagħmlu eżaminazzjoni tal-istat mentali fost l-oħrajn jieħdu l-istorja medika jew mill-persuna jew inkella minn terzi, dik tal-familja, jintervistaw lill-qraba, skejjel li kienu jattendu fihom, postijiet tax-xogħol u anke lill-pulizija li kienu involuti f’dak l-inċident jew marru fuq il-post tal-allegat att kriminali. 

Il-psikjatri għandhom tip ta’ għodda (scales) li jistgħu jużaw bħall-“Mental State at the Time of the Offence Screening Evalution” jew inkella “Roger’s Criminal Responsability Assessment”. Dawn iż-żewġ għodod jintużaw flimkien mal-evalwazzjoni tal-istat mentali klassika fuq sfont ta’ ġbir ta’ informazzjoni minn dawk in-nies relevanti għall-każ. 

Għajnuna lill-Qorti għal verdett ġust…

Dott. Xuereb qal li l-psikjatri u l-Qorti jirreferu dejjem għad-dokument ferm importanti tal-2014, “Practise Guideline Evaluation for Insanity Defense” miktub mill-korp kostitwit “Journal of the American Academy of Psychiatry and the Law”. 

“Biex isir assessjar, dawn il-linji gwida mhumiex ibbażati biss fuq opinjoni iżda fuq xjenza oġġettiva li wieħed jista’ jorbot fuqha għal rapport ġust, imparzjali, ibbażat fuq ix-xjenza u fl-interess tal-liġi. Bażikament dawn il-psikjatri qegħdin jgħinu lill-Qorti biex tasal għal verdett li jkun ġust għal kulħadd. Ġust għall-vittmi, ġust għall-qraba tal-vittmi u anke għall-imputat li jkollu kundanna xierqa hekk kif inhuwa mistħoqq mil-liġi”.

Barra li dan l-assessjar huwa intensiv, it-tim huwa magħmul minn tliet persuni li jinvestigaw u jiddiskutu sew il-każ sakemm jaslu għal deċiżjoni jew b’mod unanimu jew jekk ikun hemm bżonn, permezz ta’ votazzjoni. Imbagħad il-Qorti tagħti lil dawn il-psikjatri appuntati, rilaxx professjonali biex taħt ġurament, jgħaddu l-informazzjoni relatata.

Mark Xuereb ikkonkluda billi qal li finalment il-psikjatri joħorġu r-rapport mitlub lill-Qorti liema rapport il-Qorti jew il-ġuri, jistgħu ma jilqgħuhx. 

Sport