Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista “Int Malta – Il-Ħolma Tiegħek. Il-Proġett Tagħna” jinkludi fih pakkett b’saħħtu ħafna favur l-inklussività. Iddikjarat dan mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, meta l-Ħadd filgħodu ħadet sehem f’diskussjoni mtella’ mill-Partit Laburista li trattat l-għajnuna li qed jingħataw il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Dr Lydia Abela bdiet billi qalet li l-inklużjoni għandha tkun dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna u ta’ kull deċiżjoni illi nieħdu. Hija enfasizzat li meta nitkellmu fuq id-diżabilità u l-inklużjoni ma nkunux qed niffokaw biss fuq suġġett wieħed.
“Nemmen li meta nkunu qed nitkellmu dwar id-diżabilità u l-inklużjoni inkunu qed nitkellmu dwar kwalità tal-ħajja, l-opportunitajiet, il-ħiliet tal-persuni b’diżabilita. Għalhekk dan is-settur jolqot diversi setturi oħra. Dan huwa settur għal qalbi ħafna anke u anke għall-Prim Ministru Robert Abela,” hija żiedet tgħid.
Spjegat kif tnejn mill-miżuri li se jiġu implimentati fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista, jekk jingħataw il-fiduċja fit-30 ta’ Mejju li ġej, se jkunu dawk dwar l-Att dwar l-Awtonomija Personali u l-Att dwar l-Adulti f’Sitwazzjonijiet Vulnerabbli.
“Dawn il-liġijiet jitkellmu dwar id-dinjità tal-persuni b’diżabilità. L-Att dwar l-Awtonomija Personali jitkellem dwar il-bżonn li persuna b’diżabilità jikollha dritt li tagħmel l-għażliet personali tagħha. L-Att dwar l-Adulti f’Sitwazzjonijiet Vulnerabbli se jkun qed jittratta u jagħti protezzjoni lil dawk l-adulti li jsibu ruħhom f’sitwazzjonjiet ta’ vulnerabiltà u ħsara. Hemm se ngħinuhom b’mod dirett biex nipproteġuhom,” qalet Dr Abela.
Tkellmet ukoll dwar l-għajnuna mogħtija lill-atleti ta’ Special Olympics Malta filwaqt li ħabbret kif fil-manifest Int Malta hemm elenkat li se jkun qed jiġi ddedikat Ċentru Speċjalizzat għal Special Olympics. Ċentru li se jkun qiegħed joffri numru ta’ servizzi lil dawn l-atleti, inkluż screening tas-smigħ u l-vista, mental health check-ups, servizz ta’ podjatrija u pariri mediċi dwar id-dieta u n-nutrizzjoni. “Inħares ’il quddiem biex nara dan il-programm jiġi implimentat,” qalet mart il-Prim Ministru.
Proposta oħra hi dwar il-carers’ grant għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà severa. Intqal li din żdiedet minn €500 għal nofs il-paga minima. Issa qed ikun propost li fil-leġiżlatura li jmiss, din il-miżura se tiżdied daqs il-paga minima.
Dr Abela qalet ukoll li s-Servizz Pubbliku se jibda jintroduċi autism-friendly hours u jinstalla calming booths f’dipartimenti u uffiċini differenti tal-Gvern li huma l-aktar imfittxija. Dan filwaqt li se tinħoloq sensory room fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Kompliet tgħid li t-terapija hija essenzjali għall-iżvilupp tat-tfal u żgħażagħ b’diżabbiltà għaliex timpatta l-kwalità tal-ħajja tagħhom. “Partit Laburista fil-Gvern se jħallas l-ispiża kollha marbuta ma’ terapiji bażiċi, fosthom occupational therapy, speech and language therapy u physiotherapy, kif ukoll terapiji speċjalizzati għal tfal taħt it-18-il sena.”
Barra minn hekk, il-ġenituri li jieħdu lil uliedhom għat-terapija jew għal appuntamenti l-isptar se jibbenefikaw minn ħamest ijiem carers’ leave mħallsa mill-Gvern u l-leave jkun jista’ jinqasam f’sigħat.
Proposta oħra hi li l-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà se jibqgħu jħallsu t-taxxa bir-rata tal-ġenituri sakemm uliedhom jagħlqu 23 sena u f’każ ta’ tfal b’diżabbiltà severa sakemm jibqgħu jieħdu ħsiebhom.
Dwar ir-rata ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, Dr Lydia Abela nnotat li din ir-rata żdiedet b’47% f’dawn l-aħħar sitt snin.
Hija temmet b’messaġġ – illi dawn il-persuni qatt mhu se jkunu waħedhom. “Irridu nkunu hemm ta’ spalla għalihom u għall-familji tagħhom. Irridu nkunu hemm matul il-vjaġġ kollu tal-ħajja,” temmet tgħid Dr Abela.

