Il-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura, Chris Bonett meta tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “meta partit joħroġ b’wegħdiet li l-kalkoli tagħhom ma jreġux, il-kwistjoni ma tkunx biss żball ta’ numri. Tkun kwistjoni ta’ kredibbiltà.”
Mistoqsi dwar il-ħidma tal-Ministeru fl-aħħar snin qalilna li “l-politika, fl-aħħar mill-aħħar, titkejjel b’ħaġa waħda: ix-xogħol. Mhux bil-kliem biss. Mhux bil-wegħdiet li jinstemgħu tajbin waqt kampanja imma b’dak li tara, tmiss u tuża fil-ħajja ta’ kuljum. Din hija d-differenza bejn Partit Laburista fil-Gvern u Oppożizzjoni li tgħid ħafna iżda ftit li xejn turi kif se twettaq. Aħna ma nwegħdux biss. Aħna naħdmu. Naħdmu għalik.”
Enfasizza li “qalulna li ċerti affarijiet ma setgħux isiru. Qalulna li proġetti kbar kienu diffiċli wisq. Qalulna li t-trasport ma jinbidilx. Qalulna li Malta ma tistax issib soluzzjonijiet aktar moderni, aktar prattiċi u aktar sostenibbli. Iżda kull darba li qalulna li ma jistax isir, aħna dħalna għax-xogħol. Hekk għamilna fil-Marsa. Kienet problema li kulħadd kien jaf biha, iżda għal snin twal baqgħet hemm. Aħna solvejnieha. Hekk qed nagħmlu fl-Imsida. Proġett diffiċli, iva.
Proġett li joħloq inkonvenjent, iva. Imma pajjiż serju ma jaħrabx minn dak li hu diffiċli. Pajjiż serju jippjana, jaħdem u jwettaq. U hekk qed nagħmlu wkoll fit-trasport bil-baħar. Għal snin sħaħ smajna li ferry network bħala alternattiva vera għat-trasport f’Malta kienet biss ħolma. Iżda din il-ġimgħa, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, tnieda s-servizz ġdid bejn Għawdex, Buġibba u Tas-Sliema. Dan mhux slogan. Dan huwa servizz reali. Għażla oħra għan-nies. Pass ieħor lejn sistema ta’ trasport aktar moderna u aktar flessibbli.”
Kompla jgħid li “t-trasport f’Malta mhux se jinbidel b’daqqa ta’ pinna. Jinbidel pass wara pass. Rotta wara rotta. Servizz wara servizz. Konnessjoni wara konnessjoni. Dak hu l-mod serju kif tmexxi pajjiż. U hawn tidħol id-differenza politika. Illum kulħadd jista’ joħroġ proposta. Kulħadd jista’ jwiegħed aktar. Imma l-mistoqsija vera hija: min hu kredibbli? Min jaf kemm se tiswa proposta? Min jaf kif se jħallasha? Min għandu track record li jwettaq?
Meta partit joħroġ b’wegħdiet li l-kalkoli tagħhom ma jreġux, il-kwistjoni ma tkunx biss żball ta’ numri. Tkun kwistjoni ta’ kredibbiltà. Għax jekk illum ma tagħmilx il-matematika sew waqt kampanja, għada kif se tmexxi l-finanzi ta’ pajjiż sħiħ? Aħna nemmnu f’politika differenti. Politika li tippjana. Politika li taħdem. Politika li twettaq. Politika li tħares lejn il-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-ħaddiema u n-negozji, u tistaqsi: kif nistgħu nagħmlulhom ħajjithom aħjar?”.
Iddikjara li “għalhekk il-messaġġ tagħna huwa ċar. Aħna naħdmu għalik. Naħdmu biex ikollok toroq aħjar. Naħdmu biex ikollok aktar għażliet fit-trasport. Naħdmu biex il-progress ekonomiku jasal għand il-familji. Naħdmu biex meta d-dinja titħawwad, Malta tibqa’ soda. Mhux perfetti. Imma kredibbli. U meta qalulna li ma stajniex, aħna għamilna.”

