Sunday, May 17, 2026

IX-XENOFOBIJA M’GĦANDUX IKOLLHA POSTHA FOSTNA

Aqra wkoll

‘Malta tal-Maltin’, kienu ħafna l-kummenti li nkitbu fl-aħħar jiem. Kumment ieħor kien jgħid “kburi li Malti. Ċarċarna demmna ma’ missirijietkom. Ħallu l-Malta Kattolika. Titraduwiex”.  ‘Bdiet il-qerda ta’ Malta’. “ “Viva l-Halal, l-istupri u il-Burka”. ‘Kif jitla’ ħa jġibna proprja is-Sirja’. ‘Min irid dawn it-tip ta’ nies imexxu l-pajjiż, sempliċi imorru ġo pajjiżhom u joqogħdu taħthom”. “Malta ġabuha miżbla fil-Mediterran”.

‘Il-Musulmani barra minn Malta  joqtlu l-Kristjani”. ‘Razzist min jaħdem kontra pajjiżu, jippreferi lill-barrani minflok il-Malti”. “Musulmani lanqas fil-pajjiż ma’ rridhom aħseb u ara fil-Parlament”. ‘Malta għandha tkun tal-Maltin biss”.

Dawn huma ftit mill-kummenti li kienet miżgħuda bihom il-midja soċjali fl-aħħar jiem. Kummenti dispreġjattivi. Ta’ mibegħda. Kontra Malti. Li jħaddan reliġjon differenti u li għażel li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.  Kienu jiem li fihom rajna tispikka x-xenofobija u r-razziżmu fis-soċjetà. Spikkaw proprju waqt kampanja elettorali, jiġifieri dak il-proċess li għandu rwol importanti ħafna fid-demokrazija għax fih jingħata ċans lill-partiti politiċi u lill-kandidati biex jippreżentaw l-ideat, il-programmi u l-wegħdiet tagħhom liċ-ċittadini. Minkejja li għandu dritt daqs kull Malti ieħor li jikkontesta, dan il-kandidat, ġie attaccata b’kull mod u b’kull tip ta’ aġġettivi.

X’kuntrast. Waqt li għaddejjin b’dan il-proċess demokratiku ta’ kampanja elettorali, nesperjenzaw din ix-xenofobija kollha – li minnha nfiha hi ta’ theddida għad-demokrazija.

Hi ta’ theddida għax ix-xenofobija u magħha ir-razziżmu imorru kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza. Kontra l-prinċipju tal-libertà. Kontra l-prinċipju tal-rispett. Dawn huma valuri li fuqhom hi mibnija is-soċjetà demokratika.

U xi stennejna? Stennejna li f’dan il-proċess demokratiku, quddiem din ix-xenofobija, il-politiċi jingħaqu u jiġġieldu din ix-xenofobija. Stennejna li jittieħed front komuni. 

Front kontra ix-xenofobija u r-razziżmu.  Dan iżda ma sarx. Minkejja dan għad hemm il-ħin biex ikun hemm front kommuni kontra ix-xenofobija u r-razziżmu. Din hi azzjoni bżonnjuża għax biha jitwassal messaġġ unit lil sezzjonijiet tal-poplu tagħna.

Messaġġ komuni li fih il-partiti ewlenin juru kif ix-xenofobija m’hawnx postha fis-soċjetà tagħna. Dan għax din thedded id-demokrazija. Twassal biex tnaqqas l-ugwaljanza bejn in-nies u dan meta fid-demokrazija kulħadd għnadu jkollu l-istess drittijiet u opportunitajiet. Ix-xenofobija twassal biex ċerti gruppi jiġu diskriminati jew esklużi minħabba l-oriġini jew il-kultura tagħhom.

Trid tiġ miġġielda għax ix-xenofobija toħloq mibegħda u firda. Meta politiċi jew gruppi jxerrdu biża’ mill-barranin, is-soċjetà tinqasam aktar. Dan inaqqas l-għaqda nazzjonali u jkabbar il-kunflitti bejn il-komunitajiet.

U meta ix-xenofobija terfa’ rasha, tiddgħajjef il-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet tal-bniedem. Ir-riżultat ikun ċar ħafna. Dawk f’minoranza jibdew jibżgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom jew jipparteċipaw fis-soċjetà minħabba biża’ minn diskriminazzjoni jew attakki.

Hemm ukoll riskji oħrajn fosthom il-ħolqien ta’ politika estremista.  Għamdekoll l-aspett tal-esklużjoni soċjali.  Meta gruppi minoritarji iħossuhom mhux milqugħin, dawn jitilfu l-fiduċja fid-demokrazija u jieqfu jipparteċipaw fil-ħajja pubblika.

Nemmnu li l-partit politiċi ma jistgħu iħallu din ix-xenofobija u r-razziżmu għaddejjin visu xjn mhu xejn. Nuqqas t azzjoni llum, tista’ tfisser problemi kbar fil-futur.  Il-partiti politiċi għandhom responsabbiltà kbira biex jiddefendu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Meta jaħdmu kontra x-xenofobija, jgħinu biex tinbena soċjetà aktar paċifika, magħquda u rispettabbli lejn kulħadd.

Nittamaw li dak li esperjenzajna fl-aħħar jiem,  li wegġħa lil ħafna nies, iwassal għal tagħlima u azzjoni.  Il-kummenti mill-agħar u ta’ mibegħda flimkien ma’ theddid, jistgħu jiġu miġġieldin biss jekk il-partiti politiċi ixerrdu messaġġi ta’ tolleranza, rispett u għaqda bejn nies ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti. Kampanja elettorali hi opprotunità mill-aqwa biex ix-xenofobija tiġi miġġielda. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport