Qbiżna l-għoxrin jum tal-kampanja elettorali u kif mistenni l-attivitajiet politiċi jinsabu fl-aqwa tagħhom. Hi kampanja li fiha jinħass sew l-ammont ta’ persuni li qegħdin jgħidu li mhux se jivvutaw jew li huma diżinteressati. Stimi jeżistu diversi. Hu kkalkulat li dawk li bħalissa qegħdin jgħidu li mhux se jivvutaw jammontaw għal bejn 60,000 u 80,000 persuna.
Fl-aħħar elezzjoni kien hemm 50,000 votant reġistrat li għażlu li ma jmorrux jivvutaw. U allura l-partiti politiċi ewlenin qegħdin jimmiraw ħafna fil-messaġġi tagħhom għal dawn il-votanti. Spikkaw messaġġi marbutin mal-importanza li wieħed joħroġ jivvota. Li ma jibqgħax spettaturi. Qiegħda tispikka ukoll l-emozzjoni fejn il-partiti qegħdin jużaw dan l-aspett biex jippruvaw jattiraw lil dawn il-votanti.
Dawn huma votanti li għal raġunijiet differenti u mifruxa ħafna, qegħdin jgħidu li se jastjenu. Il-mod kif żvolġiet il-kampanja elettorali, b’wegħdi istantanji li l-effett tagħhom jinħass b’mod immedjat, jista’ jkun li jwassal biex kategoriji minn dawk li se jastjenu, jibqgħu jżommu l-bogħod mill-post tal-votazzjoni.
Il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw il-partit ewlenin f’din il-kampanja?
….konfużjoni fi ħdan il-PN
Jekk wieħed janalizza din il-kampanja u l-messaġġi li qegħdin jintbagħtu u l-mod kif qiegħda tiżviluppa wieħed jinduna li l-partiti politiċi ewlenin għandhom sfidi totalment differenti. In-naħa Nazzjonalista għandha sfida marbuta ma’ kemm l-elettorat għandu fiduċja fiha. Kemm lesti jafdawhom. Kemm lesti li jibdlu. L-argument hu kif qegħdin ‘imma kif se niġu minn xi ħadd ġdid u bla esperjenza ma nafux.’. Oħrajn jargumentaw li hemm ‘ħafna x’tirranġa fis-sitwazzjoni preżenti, imma nafu fejn qegħdin’.
Quddiem dan imbagħad rajna ċertu kaos fin-naħa Nazzjonalista li ma tistenniehx f’kampanja elettorali. Rajna l-każ tad-deputat Nazzjonalista Adrian Delia, li ħabta u sabta spiċċa f’kontroversja ma’ ħaddiema tas-sigurtà f’dak li kien l-Isptar San Luqa. Kien każ li diversi esponenti Nazzjonalisti stess ma ħadux gost bih u anke kkummentaw fil-pubbliku li ma qablux mal-aġir ta’ Delia.
Oħrajn b’mod partikolari dawk li jappoġġjaw lil Adrian Delia, iżda ħassew li Delia għamel sew li mar fejn l-isptar San Luqa waqt li ma naqsux li jirrimarkaw li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Borg mhux jikkritika biżżejjed.
Kollox jindika li l-ħsieb strateġiku wara l-messaġġi ta’ Alex Borg hu li jevitaw ċertu termini negattivi li intużaw fil-passat. Kuntrarjament għal snin oħra rajna tema bħal dik tal-korruzzjoni – li tant intużat minn Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur, titwarrab kompletament. Rajna ukoll li sparixxiet għal kollox il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Sabine Agius Cabourdin.
Il-Partit Nazzjonalista f’din il-kampanja qiegħed jiffaċċja ukoll l-isfida tal-kalkoli finanzjarji tal-proposti tiegħu. Ħafna mill-proposti li ħareġ kienu litteralment attakkati u ntwera li kienu żbaljati. Għamel dan kemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u anke l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana. Wieħed jistenna li f’kampanja elettorali dak li toħroġ ikun spjegat u preċiż, u mhux tispiċċa akkużat bi proposti b’dettalji u kalkoli ħżiena. Dan iqajjem l-aspett ta’ kemm verament kien ippreparat il-PN għal din il-kampanja elettorali.
Il-PL jipprova jikkonvinċi Laburisti diżinteressati
Il-Partit Laburista, minn naħa tiegħu għandu l-isfida li jipprova jikkonvinċi lil għadd ta’ Laburisti li qegħdin jgħidu li f’din l-elezzjoni se jastjenu. Din kienet sitwazzjoni identika meta saret l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Ir-raġunijiet li jidher li qegħdin iwasslu huma varji. Li hu ċar hu li din id-darba, hemm min mhux qiegħed jaħsibha darbtejn biex iwassal il-messaġġ tiegħu fuq il-midja soċjali. Hu għalhekk il-messaġġ kontinwu fin-narrattiva Laburista fuq il-kelma ‘Int”. Il-mistoqsija ċara hi: il-Partit Laburista se jirnexxielu jikkonvinċihom?
Kampanja li r-rotta li ħadet hemm riskji għall-futur….mix-xenofobija u r-razziżmu
Hi sfortuna kbira li f’din il-kampanja elettorali, l-edukazzjoni politika jidher li sparixxiet kompletament. Qegħdin naraw narrattivi li huma kompletament riskju. Diviżivi. Narrativi li hemm riskju li joħolqu problemi fis-snin li ġejjin. Dan b’rabta ma’ xenofobija u razziżmu b’mod partikolari narrattiva dwar problemi minn ħaddiema terzi. Smajna deputat Parlamentari tal-PN jitkellem fuq problemi u li pponta subgħajh lejn il-barranin għalihom.
Rajna l-Kap Nazzjonalista ukoll jagħmel konfernza stampa u jdeffes fin-nofs sigurtà u infurzar. Diskors li malli tisimgħu ifakkrek fil-Pulizija għall-Immigrazzjoni tal-ICE u dak li qegħdin jagħmlu fl-Istati Uniti. Għax ejja ngħiduha kif inhi, xi jrid ifisser biha aktar sigurtà u aktar infurzar? Wieħed ma jistax ma jaħsibx fuq dak li ma jingħadx u allura l-mistoqsija li ssir hi x’hemm ippjanat realment? Wieħed ma jridx jinsa li Alex Borg kien iddikjara li jammira lil Donald Trump.
L-aspett uman…..u l-vjolenza strutturali …riskju kbir
Kien hemm aspetti oħra fl-kampanja li deffsu l-barranin fin-nofs jew ħolqu kontroversji marbutin magħhom. Dan wassal biex fuq il-midja soċjali u anke fit-toroq tagħna, splodew ir-razziżmu u x-xenofobija. Fis-siti soċjali, wieħed seta’ jara kummenti mill-aktar dispreġjattivi u ta’ mibegħda kontra ħaddiema terzi li qegħdin jaħdmu u jikkontribwixxu f’pajjiżna. Kontra ħaddiema li jservuna fl-isptarijiet, fid-djar tal-anzjani, fil-ġbir tal-iskart, fil-kostruzzjoni, dawk li jwasslulna l-ikel u f’setturi oħra.
Taqra l-kummenti u tifhem li donnu hemm min irid li dawn il-ħaddiema ikunu skjavi f’pajjiżna. Iriduhom jaħdmu imma kontra li jmorru l-isptar. Iridu imorru għax-xogħol imma ma jaqlux li jkollhom karozza għax jikkawżaw it-traffiku. Oħrajn iridu jitfgħuhom ‘lbarra.
Meta taqra dak li qiegħed jinkiteb ma tistax ma tistaqsiex x’ġara minnhom id-drittijiet umani, dawk id-drittijiet bażiċi li kull persuna għandha sempliċement għax hi bniedem. Dawn jinkludu d-dritt tal-libertà, edukazzjoni, saħħa, xogħol ġust, ugwaljanza, u protezzjoni kontra diskriminazzjoni jew tortura. Ma tistax ma tistaqsix feint spiċċat l-edukazzjoni politika f’dan il-pajjiż.
U dak li inkiteb bla mistħija u biża’ ta’ xejn u anke dak li qiegħed jingħad juri sitwazzjoni perikoluża. Jikxef beraħ il-vjolenza strutturali li hawn f’pajjiżna. Vjolenza li mhix trattata f’din il-kampanja elettorali. L-istess kif mhux trattat ir-razziżmu. Qegħdin naraw li f’din is-soċjetà tagħna għandna sistema u strutturli li jagħmlu ħsara lil ċerti gruppi ta’ nies mingħajr ma tkun neċessarjament vjolenza fiżika diretta. Vjolenza minn istituzzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew soċjali li bi kliemhom joħolqu inugwaljanzi li jillimitaw l-opportunitajiet ta’ ħaddiema terzi minħabba l-etniċità tagħhom, ibeżżgħu, jew joħolqu inċertezzi li twassal għal problemi mentali.
Wart li f’pajjiżna qegħdin naraw din il-mewġa ta’ xenofobija, wieħed irid jgħid li hemm relazzjoni bejn id-drittijiet umani u l-vjolenza strutturali. Meta sistema soċjali ma jippermettux lil kulħadd igawdi d-drittijiet fundamentali tiegħu u meta jinħolqu inċertezzi ibbażati fuq razza, reliġjon jew oqsma oħra, dawn ikunu qegħdin joħolqu forma ta’ vjolenza. Hu ċar li l-protezzjoni tad-drittijiet umani mhix biss kontra vjolenza diretta, iżda wkoll kontra sistemi u strutturi li joħolqu inġustizzja u esklużjoni soċjali.
Ma nistgħux ma nistaqsux: fejn se twassal din ix-xenofobija u razziżmu li qegħdin naraw f’din il-kampanja elettorali? Mistoqsija li sa issa ħadd mhu jagħmel. Jekk inħarsu f’pajjiżi oħra fl-Ewropa, nistgħu faċilment naraw fejn tasal din ix-xenofobija u r-razziżmu jekk jitħallew għal riħhom u ma jkunux trattati.
Wegħdi istantanji…..li tħoss l-effett tagħhom fl-immedjat ….reali jew gimmicks politiċi?
F’din il-kampanja komplew jispikkaw il-proposti miż-żewġ partiti. Spikkaw b’mod partikolari dawk marbutin ma’ għotjiet finanzjarji. Wegħdi istantanji, dawk li l-poplu se jħosshom mill-ewwel. Imma hemm votanti li qegħdin jistaqsu dwar dawn il-proposti. Tant saru proposti li għal uħud iddaħħlu dubji. Liema huma l-wegħdi reali….liema huma l-gimmicks?
M’hemmx dubju li dwar l-ammont ta’ wegħdi li saru, li hemm min iddeskrivihom qishom irkant, uħud esprimew xettiċiżmu. Oħrajn ħadu gost bl-inċentivi. Oħrajn bdew jitkellmu humhiex sostenibbli fuq tul ta’ żmien, b’mod partikolari minħabba is-sitwazzjoni internazzjonali.
U hawn jidħol l-aspett kritiku. Biex tagħraf wegħda hix reali jew gimmick, trid tistaqsi għad-dettalji. Mistoqsija li trid issir hi dik ta’ minn fejn se jiġu l-flus għaliha? Jekk hux se jsiru taxxi ġodda biex dik titwettaq. Hemm id-domanda ta’ kemm se tiġi tiswa’ dik il-wegħda partikolari. Wegħdiet meqjusin kbar u li jridu ħafna żmien biex. jitwettqu, tista’ titqies li dik hi aktar politika milli prattika. Wieħed irid jistaqsi għad-dettalji ta’ meta se ssir, x’dettalji hemm dwarha. Aktar ma jingħataw dettalji aktar issir kredibbli dik il-wegħda.
F’din il-kampanja, rajna per eżempju nuqqas ta’ dettalji fi proposti tal-Partit Nazzjonalista bħal dik marbuta ma’ ammont ta’ sptarijiet li jrid jibni, imma la jgħid fejn u lanqas kif u biex se jħaddimhom.
Hemm imbagħad wegħdi li jsiru minn elezzjoni għal oħra jew ikunu saru snin twal qabel u li jkunu baqgħu ma twettqux. Dawn joħolqu dubji kbar f’moħħ l-elettorat li jkun qiegħed jiżen dak imressaq ‘lquddiem. Xi ħaġa importanti ukoll biex wieħed jistabbilixxi jekk wegħda hix reali jew gimmick hi l-kwistjoni ta’ kemm se tieħu ħin biex titwettaq.
Wegħda reali hi dik li tindirizza problema konkreta b’soluzzjoni ċaram waqt li wegħda li hi gimmick: tinstema’ sabiħa iżda vaga.
Kampanja PN…..timxi fuq partijiet minn dik tar-rebħa ta’ Joseph Muscat
F’din il-kampanja, rajna ukoll kif partijiet mill-kampanja ta’ Alex Borg għall-Partit Nazzjonalista kienet ibbażata fuq dik li biha Joseph Muscat rebaħ fis-sena 2013. Dan l-aktar fejn intużaw ammont ta’ żgħażagħ jgħaddu messaġġ u li bdew jgħidu ‘Nemmen f’Alex’ u li imbagħad hu innifsu anke uża l-frażi li kienet intużat minn Joseph Muscat, dik ta’ “kunu protagonisti”.

