Saturday, May 16, 2026

Floriana champions għas-27 darba

Aqra wkoll

FLORIANA……………… 2

MARSAXLOKK…………. 1

Minn Cristian Muscat

Floriana kitbu l-istorja meta rebħu l-kampjonat Malti għal rekord ta’ 27 darba meta fil-Finalissima huma għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1 wara li kienu dawn tal-aħħar li fetħu l- iskor. 

Iżda mingħajr ma jit­naqqas mill-mertu ta’ Mar­saxlokk, Floriana kien jim­meri­tahom dan is-suċċess hekk kif iddominaw għal kollox dan il-kampjonat mill-bidu sal-aħħar. 

Għaldaqstant saret ġustizzja magħhom minħabba li r-rekords matul l-istaġun kienu kollha favur tagħhom.

Marsaxlokk għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss seba’ minuti appellaw għal penalty meta Jorge Ailton Soares deher li allegatament twaqqa’ fil-kaxxa minn player ta’ Floriana, bir-refe­ree Matthew Degabriele iżda ma jordna l-ebda penalty filwaqt li l-coach ta’ Marsa­xlokk, Enzo Potenza, ma jitlobx l-intervent tal-FVS.

Huma komplew jiddettaw il-loghob u mal-kwarta logħob Jorge Ailton Soares kellu xutt fil-baxx mid-distanza jintemm barra.

Ix-Xlukkajri baqgħu l-aħjar team u, fit-23 minuta, Domantas Simkus kellu xutt fil-baxx mill-viċin li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper, Guilherme Cioletti. Madankollu, l-uffiċjal tal- logħba kien pront u ssenjala offside.

B’azzjoni wara l-oħra, fil-35 minuta, Marsaxlokk fetħu l-iskor meta Jose Ulises Arias xeħet cross fid-direzzjoni ta’ RASMUS LINDEN, u wara nuqqas ta’ ftehim bejn Carlo Zammit Lonardelli u l-goalkeeper Cioletti, l-is­tess player Daniż b’eleganza qabbeż il-ballun minn fuq l-istess goalkeeper tal-Greens, fost id-dellirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi ta’ Marsa­xlokk.

Il-pressjoni kienet kol­lha fuq Floriana u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu aggressivi u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-56 minuta kisbu d-draw hekk  kif is-sostitut Mustapah Jah, li kien ilu biss minuta fil-ground u proprju fl-ewwel ballun li mess, għadda taj­jeb lejn FEDE­RICO VARELA li minn pożizzjoni angolata b’xutt fil-baxx xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka. 

Dan il-goal ipprovda injezzjoni morali lil Floriana u fl-64 minuta resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta d-diving header ta’ Alen Kurtalic ġiegħlet lill-goalkeeper, Christoffer Mafoumbi, biex iwettaq save stupend billi dawwar f’corner biex evita goal ċert.

Mill-corner li rriżulta mogħti mis-sostitut Jake Grech, Iago Perreira Mendonca, bir-ras għadda tajjeb lejn Mustapha Jah li kellu t-tentattiv tiegħu minn daqqa ta’ ras oħra  jintemm ftit għoli.

Madanakollu, fl-74 minuta, kienu Mar­saxlokk, li tilfu ċans tad-deheb li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta Linden xeħet inkredibbilment għoli minn pożizzjoni ferm ideali.

Fit-82 minuta, il-coach ta’ Floriana, Daniel Portela ta­lab lir-referee Degabriele jikkonsulta l-FVS wara allegat foul ta’ Enrico Pepe fuq Jah, iżda r-referee ma nnota l-ebda rregolaritá u ma wera l-ebda karta safra jew ħamra potenzjali.

U meta kollox deher li l-partita kienet sejra għall-ħin barrani, fil-ħin miżjud, Floriana skorjaw il-goal tar-rebħa bl-aktar mod drammatiku u li fisser ir-rebħ tal-kampjonat, meta wara li rċieva l-ballun minn throw-in, qamet taħwida fil-kaxxa, u KENAN DERVISAGIC kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin tefa’ ġewwa, bil-ballun jaħ­bat mal-wieqfa qabel intemm fix-xibka.

Ta’ nota huwa l-fatt li r-referee kkonvalida dan il-goal wara konsultazzjoni ta’ ftit minuti mal-FVS, fuq allegat handball min-naħa ta’ Dervisagic fl-azzjoni li wasslet għal dan il-goal.

Id-drama kompliet tiżdied hekk kif mumenti biss wara meta Marsasxlokk resqu ferm viċin li jiksbu d-draw iżda Joseph Minala ma la­qatx il-ballun minn taħt il-lasti biex l-azzjoni sfumat fix-xejn.

It-tisfira finali ġabet magħ­ha ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji ta’ Floriana li ġustament huma ċ-cham­pions il-ġodda.

Prosit Floriana! 

Floriana: Guilherme Cioletti, Myles Beerman, Federico Varela, Dunstan Vella (Jake Grech 55), Alen Kurtalic, Owen Spiteri, Carlo Zammit Lonardelli (Aristide Mabea 99), Charles M’Mombwa, Iago Perreira Mendonca, Paul Mbong (Kenan Dervisagic 77), Rui Manuel Areias (Mustapha Jah 55)   – Coach: Daniel Portela

Marsaxlokk: Christoffer Mafoumbi, Weder Soares Da Silva, Enrico Pepe (James Joseph Kirby 98), Nikolai Muscat, Rasmus Linden (Ensell Attard 98), Juan Carlos Corbalan, Jose Ulises Arias (Redon Mihana 67), Jorge Ailton Soares, Joseph Minala, Leandro Aguirre, Domantas Simkus (Isaac Christie-Davies 98)   – Coach: Vincenzo Potenza

Referee: Matthew Degabriele

assistenti: Duncan Sultana, Mitchell Scerri

Raba’ Uff.: Daniel Portelli

Skorers: R. Linden 36 (M), F. Varela 56, K. Dervisagic 92 (F)

Ammoniti: L. Aguirre, J. Minala, E. Pepe (M), I. Perreira Mendonca, C. M’Mombwa (F)

Player tal-Logħba: Federico Varela (F)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport