Friday, May 15, 2026

‘Ħerqan nara dan l-entużjażmu u x-xogħol jissarraf f’riżultati … mhux biss fuq il-pitch iżda wkoll lejn il-komunità ta’ Birżebbuġa’ – Kenneth Costantino

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Fl-età ta’ 21 sena ħassejt li ma kontx se nagħmilha fl-ogħla livelli tal-futbol Malti. Jaf kont żbaljat, iżda f’dik l-età tibda tirrealizza ċerti affarijiet. Kif waqaft nilgħab, bdejt nieħu l-korsijiet fil-kowcing u l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol baqgħet tiżviluppa.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ tal-Akkademja ta’ Birżebbuġa SP?

Jekk irrid inkun onest, jien kont iddeċidejt li nirtira għal kollox mill-futbol. Hemm raġunijiet varji li m’għandix għalfejn nidħol fihom hawn, iżda jien bniedem ta’ prinċipju u jekk ma naqbilx ma’ dak li nara madwari nippreferi nwarrab. Però għal dawn l-aħħar ħames snin, Birżebbuġa dejjem kellmuni biex ningħaqad magħhom u dejjem ħassejt li ma kienx il-waqt it-tajjeb.

Jien ilni ngħix B’buġa għal dawn l-aħħar 27 sena – nofs ħajti – u kkowċjajt l-iskwadra ewlenija darbtejn. Din is-sena rajt li kien hemm direzzjoni ċara, entużjażmu kbir, u president li għandu viżjoni ċara u perseveranza liema bħalha. Jien ħejjejt rapport lill-klabb u spjegajt il-viżjoni u d-direzzjoni li nemmen għandha tkun dik ta’ akkademja tal-futbol. Ovvjament, Ruma ma nbnietx f’ġurnata u anqas aħna ma se naslu fejn nixtiequ f’sena. Il-pjan huwa mfassal fuq ħames snin, u b’hekk, inkun jien jew ħaddieħor, dan il-pjan se jirrappreżenta l-viżjoni ta’ Birżebbuġa.

Għaldaqstant, ħerqan nara dan l-entużjażmu u x-xogħol jissarraf f’riżultati – mhux biss fuq il-pitch iżda wkoll lejn il-komunità ta’ Birżebbuġa. Nixtieq nara t-tfal ta’ B’buġa jitħarrġu fil-lokalità tagħhom ġo struttura fost l-aqwa f’pajjiżna u bi programm u kowcing li jkun denju għaż-żminijiet u l-bżonnijiet tal-lum.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Hibernians FC.

Nemmen li minn kull esperjenza titgħallem. Inħares lura u ngħid li, fiċ-ċirkostanzi li konna fihom, u meta tara minn fejn bdejna, għamilna affarijiet kbar. Ħafna klabbs segwew u rreplikaw dak li ħloqna. Ovvjament, ix-xogħol ma jissarrafx biss bir-riżultati fuq il-pitch iżda wkoll b’dak li tħalli warajk. B’hekk nista’ ngħid li kull esperjenza passata kienet importanti fl-iżvilupp tiegħi.

Kemm hu importnati s-settur tal-grassroots fil-futbol?

Domanda diffiċli u antipatika. Bil-kliem kulħadd jgħid li huwa fundamentali, iżda bid-deċiżjonijiet li jittieħdu u l-azzjonijiet li naraw quddiemna, ngħid li għal ħafna sar piż żejjed u skariġġ. Nemmen bis-sħiħ li m’għandux ikun hekk. Anzi, onestament naħseb li f’pajjiż bħal tagħna, l-akkademja għandha tkun it-triq li wieħed għandu jsegwi. Hemm diversi raġunijiet għal dan, u proprju għalhekk aċċettajt din l-isfida. Għax nemmen li l-klabb, b’mod speċjali l-president, għandu l-istess viżjoni u xewqa. Hija ħasra li kull fejn tħares l-ammont ta’ barranin qed jiżdied għad-detriment tat-tfal lokali.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Sa ġimagħtejn ilu ma kontx nemmen li għandi futur fil-futbol Malti. Kont ngħid li l-unika relazzjoni li fadalli mal-futbol hija binti, Raisa, li nsegwi u żżommli l-fjamma ħajja lejn il-logħba. Irrassenjajt ruħi li l-ħsibijiet tiegħi u l-ħsibijiet ta’ fejn sejjer il-futbol huma opposti. Sakemm ma sibtx raġel b’ras iebsa aktar minn tieghi, li kkonvinċieni li fadal post għal min joħlom. Naraw fejn dan il-ħolm iwassalna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

L-ewwel messaġġ ngħaddih lill-ġenituri. Tirvinawx lil uliedkom – tarawx kbir. It-tfal ħalluhom jilagħbu u jieħdu pjaċir. L-aqwa li l-ambjent ikun san. Akkademja ta’ valur mhux ibbażata biss fuq l-isem, iżda fuq dak li toffri. Araw li l-akkademja ma tkunx “money mill” u li uliedkom ma jkunux numru li jiġi mibdul malli jinstab player aħjar. Fid-dinja tal-lum ftit fadal żvog – toħonqulhomx dak ukoll.

Użaw il-futbol biex tgħallmuhom il-valuri ta’ rispett, determinazzjoni, bżulija u sagrifiċċju. Kunu ta’ sapport meta l-affarijiet ikunu diffiċli. Lit-tfal ngħidilhom, tgħallmu ikkompetu magħkom infuskom, mhux ma’ ħaddieħor, ħalli għada tkunu verżjoni aħjar minn dik li intom illum. Iżda ftakru li tridu tieħdu pjaċir tilagħbu l-ewwel u qabel kollox!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport