L-għażla tat-30 ta’ Mejju li ġej hija għażla ta’ kompetenza u kredibbiltà. Hekk iddikjara l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qiegħed jindrizza t-tielet mass meeting ta’ din il-kampanja elettorali fl-Imqabba.
Il-Prim Ministru Abela qal li l-Partit Laburista fil-Gvern ħa diversi deċiżjonijiiet għaqlin li kienu dejjem favur in-nies u dan meta kienu u għadhom għaddejjin sfidi internazzjonali.
“F’dinja fejn, sfortunatament, in-normalità l-ġdida saru l-gwerer, għandna għażla ċara ħafna quddiemna fit-tletin ta’ Mejju. Mhix biss għażla dwar proposti. Imma fuq kollox għażla ta’ kompetenza u kredibbiltà. Niftaħru li pajjiżna baqa’ b’saħħtu aktar minn pajjiżi oħra. Imma dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. Wasalna fejn aħna llum għax meta ġiet pandemija, ħadna deċiżjonijiet sodi. Favurikom. Affaċcjati bi gwerer madwarna, ħadna deċiżjonijiet għaqlin. Ħsibna b’moħħna u favur pajjiżna. Bl-għaqal. U lilkom ipproteġejnikom,” iddikjara l-Prim Ministru u mexxej Laburista Dr Robert Abela.
Quddiem folla enormi fl-Imqabba, il-Prim Ministru Abela tkellem dwar kif il-Partit Laburista ħareġ il-manifest elettorali tiegħu “Int Malta” li fih ideat ġodda u b’miri ċari ta’ fejn għandu jasal dan il-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li s’issa l-poplu Malti u Għawdxi għandu manifest wieħed biss quddiemu, waqt li stqarr li l-Partit Nazzjonalista jsegwi lill-Partit Laburista ta’ kuljum biex imbagħad ftit wara taparsi jwiegħed aktar.
Kien hawn fejn il-Prim Ministru staqsa lill-partitarji quddiemu liema partit huwa kapaċi li jwettaq dak li wiegħed.
“Meta għidtilkom li l-ekonomija tagħna se tibqa tikber. Wasalna? Iva jew le? Meta wegħedna żieda fil-pensjonijiet. Tajniha? Iva jew le? Meta insistejna favur prezzijiet tal-enerġija stabbli. Żammejnihom? Iva jew le? Meta wegħedna żieda fiċ-childrens allowance… tajniha? Iva jew le? Meta wegħedna stipendji ogħla. Tajnihom, Iva jew le? Meta wegħedna li noħolqu x-xogħol u l-investiment, ħloqnieh? Iva jew le? Meta għidtilkom li magħna Malta se tkun b’saħħitha. Wasalna? Iva jew le?,” kompla jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela.
Fl-istess mass meeting, il-Prim Minstru tkellem dwar l-istorja ta’ Josef li għandu marda ġenetika rari. Qal li dan il-Gvern jemmen fil-ġustizzja soċjali u jgħin l-aktar persuni fil-bżonn. Kien hawn li l-Prim Ministru Abela qal li l-Ħadd filgħodu ġiet approvata l-mediċina li għandu bżonn Josef biex ikun jista’ jieħu l-kura li għandu bżonn.
“L-istess sens ta’ dover li ħassejt din il-ġimgħa meta kellimni Josef, li għandu marda ġenetika rari. Bintu ċkejkna għandha l-istess kundizzjoni wkoll.
Wegħedtu li mhux se nħalluh waħdu. Dalgħodu approvajna mediċina għalih, orphan drug, li tiswa 280,000 ewro kull sena. U se nagħmlu dak kollu meħtieg biex inkunu miegħu f’kull pass ta’ ħajtu,” stqarr il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-istorja ta’ Tiziana li daħlet tistudja aktar ‘il quddiem f’ħajjitha.
“Ta’ 30 sena, bis-saħħa ta’ skemi offruti mill-Gvern, erġajt qbadt nistudja. Minn xejn, illum il-ġurnata għandi 36 sena, qiegħda fl-aħħar fażi biex niggradwa fil-Masters u għandi xogħol stabbli fiċ-Ċivil. Jiena wkoll omm ta’ żewġt itfal żgħar ta’ 9 u 12-il sena, u tista’ timmaġina kemm hija sfida li nsib bilanċ bejn il-familja, l-istudju u x-xogħol. Grazzi tal-opportunità u tal-appoġġ li tajtuni biex nasal s’hawn,” qal il-Prim Ministru waqt li kien qiegħed jaqsam dak li qaltlu Tiziana mal-folla li attendiet għal mass meeting.
“Kemm jien kburi bik Tiziana. U l-ħolma tiegħek, hija l-proġett tagħna,” temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela fil-mass meeting fl-Imqabba.

