L-ebda team fl-aqwa ħames kampjonati fl-Ewropa ma sofra inqas goals minn Inter s’issa fl-istaġun 2023-24, u l-ebda goalkeeper ieħor f’dawk il-kampjonati ma żamm clean sheets aktar mill-goalkeeper il-ġdid tan-Nerazzurri, l-Isvizzeru Yann Sommer. S’issa huwa sofra biss seba’ goals.
Fis-Serie A, Inter sofrew biss seba’ goals minn 16-il partita. Din iċ-ċifra hija inqas min-nofs tan-numru ta’ goals li qalgħu l-leaders tal-Premier League, Arsenal (15).
Fi Franza, Nice ta’ Francesco Farioli sofrew l-inqas goals, b’total ta’ disgħa filwaqt li Bayer Leverkusen immexxija minn Xabi Alonso fil-Bundesliga u Real Madrid ta’ Carlo Ancelotti f’La Liga, it-tnejn sofrew 12 s’issa f’dan l-istaġun.
B’paragun fil-kampjonat Taljan stess, fl-istaġun li għadda, iċ-champions Napoli kienu sofrew 13-il goal wara 16-il partita fi triqithom biex jirbħu l-kampjonat. B’kollox, il-Partenopei sofrew 26 goal minn 38 partita.
Barra minn hekk id-difiża Interista flimkien ma’ Sommer żammew ukoll l-aktar clean sheets madwar l-aqwa ħames diviżjonijiet tal-Ewropa fl-2023-24 … bi 11 minn 16-il logħba.
Goalkeeper wieħed biss madwar il-kontinent kollu żamm l-istess numru ta’ clean sheets – Walter Benitez ta’ PSV Eindhoven fil-kampjonat Olandiż.