Saturday, May 4, 2024

Interconnect Malta tilqa’ l-approvazzjoni tal-proġett Interconnector 2 mill-Awtorità tal-Ippjanar

Aqra wkoll

Interconnect Malta (ICM) tilqa’ d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova l-permessi għall-iżvilupp ta’ Interconnector 2 (IC2), it-tieni cable sottomarin tal-elettriku bejn Malta u l-Italja. 

L-għeluq ta’ dan il-proċess tal-permessi, u l-approvazzjoni tal-proġett mill-Awtorità, huma pass importanti ‘l quddiem fit-twettiq tal-pjan għas-sostenibilità tas-settur tal-enerġija f’Malta. Il-proġett approvat illum jinkludi x-xogħlijiet meħtieġa għat-tqegħid ta’ din il-konnessjoni ta’ cables fuq l-art u f’qiegħ il-baħar mit-Terminal ta’ 132 kilovolt ta’ Enemalta fil-Magħtab, sa’ nofs ir-rotta marittima bejn Malta u Sqallija. 

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Dr. Miriam Dalli spjegat li IC2 huwa proġett kruċjali fil-pjan ta’ Malta għat-tisħiħ tas-sostenibilità u s-sigurtà tas-settur tal-enerġija f’Malta. “Se jżid il-kapaċità u l-flessibilità tal-infrastruttura tal-elettriku tal-pajjiż, sabiex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-enerġija tal-futur, filwaqt li tiffaċilita iżjed investiment fl-enerġija rinnovabbli, biex nilħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni,” qalet Dr. Miriam Dalli. 

Dr Inġ. Joseph Vassallo, Divisional Manager ta’ Interconnect Malta, spjega li l-permessi tal-iżvilupp għal dan il-proġett jikkonkludu sentejn ta’ ppjanar u studji li kienu meħtieġa għad-disinn ta’ IC2, li se jgħaddi minn rotta differenti, b’distanza sigura minn dik tal-ewwel Interconnector bejn Malta u l-Italja, li beda jopera fl-2015. Għal din ir-rotta ġdida kienu meħtieġa studji ġodda tal-art u tal-baħar biex jiġu investigati l-kundizzjonijiet tal-art u ta’ qiegħ il-baħar. Wara dawn l-istudji, fl-2023 Interconnect Malta lestiet ukoll id-disinn tal-infrastruttura l-ġdida, biex tiddetermina l-ispeċifikazzjonijiet għat-teknoloġiji meħtieġa, fosthom il-cables, transformers, shunt reactors, sistemi ta’ sigurezza u protezzjoni, u tagħmir ieħor. 

“Interconnect Malta issa qed tippubblika s-sejħiet għall-offerti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ġdid. Flimkien mat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni u l-proġett ta’ sistemi ta’ batteriji kbar għall-ħażna tal-enerġija elettrika, IC2 se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u jippermetti l-integrazzjoni t’aktar sistemi t’enerġija rinnovabbli kbar f’Malta,” qal Dr Ing. Vassallo.   

Interconnect Malta qed tikkollabora wkoll mal-awtoritajiet Taljani biex tikkonkludi l-proċess tal-permessi ta’ dan il-proġett fl-ibħra Taljani u fuq l-art fi Sqallija.

Il-proġett IC2 se jiżviluppa interkonnessjoni ta’ 121 kilometru, 225MW HVAC, li tinkludi 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar, u se jopera b’vultaġġ ta’ 220 kilovolt bejn Malta (il-Magħtab) u l-Italja (Ragusa, Sqallija).

Din l-infrastruttura ġdida se tikkonsolida s-sigurtà tal-provvista billi tirdoppja l-interkonnessjoni li għandha Malta bħalissa man-netwerk Ewropea. Fl-istess waqt, se tippermetti iżjed investiment fl-enerġija rinnovabbli billi tagħti l-kapaċità ta’ riserva meħtieġa biex tilqa’ għall-intermittenza tas-sistemi t’enerġija rinnovabbli. B’hekk, IC2 qed jikkontribwixxi fil-ħidma tal-pajjiż lejn il-miri dwar il-ħarsien tal-klima, għal kwalità ta’ ħajja aħjar.  

Il-proġett IC2 jista’ jkun parzjalment iffinanzjat mill-Programm ta’ Finanzjament 2021-2027 tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea. 

Sport