Monday, May 13, 2024

Interess mill-Maltin u turisti f’wirja tar-Randan

Aqra wkoll

L-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes qiegħda terġa’ ttella’ l-wirja annwali tagħha f’dawn l-ewwel ġimgħat tar-Randan fis-Sala tal-Kunsill Lokali, Pjazza Reġina, il-Belt Valletta.

F’din il-wirja, li qed tattira interess kemm tal-Maltin u anke tat-turisti li jżuruna, il-membri tal-Għaqda jesebixxu dak li jkunu ħadmu jew irrinovaw f’dik is-sena partikolari. 

Fiha wieħed isib mudelli ta’ Knejjes maħdumin bil-karti, ġablow u sulfarini, statwi li jirrappreżentaw episodji mill-Passjoni ta’ Kristu, vari titulari tal-Madonna u l-qaddisin, artali armati għal okkażjonijiet diversi, mudelli ta’ purċissjonjiet, kollezzjonijiet ta’ sant u affarijiet oħra marbuta mal-folklor reliġjuż.

Fost l-esebiti din is-sena wieħed isib mudell imdaqqas tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun, rappreżentazzjoni tal-Inżul ta’ Kristu mis-Salib kif ukoll parti minn kollezzjoni antika ta’ santi. 

Din il-wirja ġiet inawgurata l-Ħamis li għadda fil-preżenza tal-President ta’ Malta George Vella u s-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit filwaqt li se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħadd 3 ta Marzu. Il-wirja tkun miftuħa filgħodu bejn id-9.30 a.m. u n-nofsiegħa u bejn l-4.30 p.m. u s-7.30 p.m., bid-dħul huwa b’xejn. 

L-Għaqda Dilettanti Mudelli ta’ Knejjes twaqqfet fl-1986 bil-għan li tgħaqqad flimkien lil dawk kollha li huma interessati fl-apprezzament tal-Arti Sgra u fil-mudelli tal-knejjes. L-Għaqda tiġbor fiha lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jinteressahom il-Folklor Relġjuż ta’ pajjiżna. 

Sport