Wednesday, December 11, 2024

Missier ordnat iħallas €39,000 f’manteniment f’każ ta’ 30 sena ilu

Aqra wkoll

Missier ġie ordnat mill-Qorti jħallas €39,000 f’manteniment lil martu u dan wara li minkejja sentenza tas-sena 1995 li stabbiliet kemm irid jagħti manteniment, huwa qatt ma għadda pagamenti lil martu ħlief f’okkażjoni waħda. Waqt li l-missier argumenta li ż-żwieġ kien ġie null, bil-Qorti tgħidlu li l-argument huwa żbaljat, il-mara argumentat li huwa kellu dħul minn wirt u bejgħ ta’ proprjetajiet u anke minn xi xogħlijiet li għamel.

L-omm qalet li b’sentenza tas-sena 1995 il-missier kien ġie kkundannat iħallas lill-martu manteniment. Il-Qorti kienet sostniet li, “bħala manteniment għaliha kwart ta’ dak kollu li huwa jipperċepixxi mix-xogħol li huwa jista’ jagħmel jew minn kwalsiasi fonti oħra u kwart ieħor iħallashom lilha bħala manteniment dovut għall-ulied minuri.

Peress li mir-riżultanzi proċesswali jidher li l-missier bħalissa mhuwiex qiegħed jaħdem allura għandu jħallas biss (sakemm jibqa’ ma jaħdimx) manteniment ta’ żewġ liri (Lm2) fil-ġimgħa għall-mara personalment u tnax-il lira (Lm12) fil-ġimgħa għall-imsemmija wlied minuri.

Il-mara kienet sostniet li, “minkejja li għaddew ‘l fuq minn 20 sena, il-missier qatt ma vversa manteniment għaliha jew għal uliedu u dan minkejja li huwa kien jaħdem bi qligħ u li kellu fonti ta’ dħul u introjtu.

Bħala stat ta’ fatt l-uniku manteniment li hija rċeviet tul dawn l-aħħar snin, in segwitu ghall-imsemija sentenza tan-1995, kien pagament ta’ darba fl-ammont ta’ €731.62 li hija rċeviet mingħand is-Sigurtà Soċjali u li jidher li huma parti mill-ħlas tas-servizzi soċjali li kien ipperċepixxa l-missier.   

L-omm talbet lill-Qorti  tillikwida x’kien l-introjtu u d-dħul li l-missier ipperċepixxa minn xogħol jew minn kwalsiasi fonti oħra hekk kif ordnat u wara s-sentenza ta’ separazzjoni mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mis-sena 1995 sal-lum.

Il-missier min-naħa tiegħu qal li din il-kawża tittratta manteniment li allegatament huwa dovut lill-mara kif ukoll lil ulied l-kontendenti li huma tlieta, li llum dawn l-ulied huma maġġorenni u għandhom ukoll ‘il fuq minn 30 sena, b’hekk il-ġudizzju mhux integru l-kawża ma tistax timxi fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interessi ta’dawn l-persuni. Enfasizza li huwa m’għandu jagħti xejn lilha la għaliha personalment u lanqas għan-nom tat-tliet uliedhom.

Il-missier sostna li ż-żwieġ tiegħu mal-mara kien ġie annullat b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru, tas-sena 2012 u konsegwentement id-dritt tagħha għall-ħlas ta’ manteniment ġie estint b’konsegwenza ta’ dak l-annullament. 

Argumenta li bl-annullament taż-żwieġ tiegħu mal-mara, ġie estint kull dritt tagħha li teżiġi l-ħlas tal-manteniment billi l-manteniment huwa dovut lilha bis-saħħa ta’ żwieġ li issa m’għadux jeżisti.

Il-Qorti qalet li, “dan l-argument tal-missier huwa ħażin għal bosta raġunijiet.  Mhuwiex minnu li l-manteniment li tiegħu l-mara qiegħda titlob il-likwidazzjoni f’din il-kawża huwa kollu dovut lilha bis-saħħa taż-żwieġ li ġie annullat.

Parti minn dak il-manteniment huwa dovut bis-saħħa tal-fatt li l-missier huwa ġenitur ta’ tliet ulied li kellu magħha u l-ebda deċiżjoni ta’ annullament ma tista’ taffettwa l-obbligu tiegħu li jivversa l-manteniment dovut minnu bħala ġenitur ta’ dawk l-ulied. 

Fir-rigward ta’ dak il-manteniment li s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1995 akkordat lill-mara għaliha stess, huwa minnu li l-annullament taż-żwieġ jista’, fiċ-ċirkostanzi kongruwi, ikollu l-effetti tiegħu. Però dawk l-effetti huma regolati mill-artikolu 20 tal-Att dwar iż-Żwieġ (Kapitolu 255 tal-liġijiet ta’ Malta), li jipprovdi li jekk żwieġ ikun dikjarat null l-effetti ta’ żwieġ validu għandhom jitqiesu li kienu jeżistu, favur il-miżżewġin sakemm is-sentenza ta’ nullità tkun saret res judicata meta l-miżżewġin ikunu żżewġu in bona fide. 

L-effetti ta’ żwieġ validu jitqiesu li dejjem kienu jeżistu għal dak li jirrigwarda t-tfal li jitwieldu jew konċepiti matul żwieġ dikjarat null kif ukoll għal dak li jirrigwarda tfal li jitwieldu qabel dak iż-żwieġ u li jkunu rikonoxxuti qabel ma tingħata s-sentenza ta’ nullità. Jekk waħda biss mill-partijiet kienet in bona fide dawk l-effetti japplikaw favur tagħha u favur l-ulied.

Jekk ebda waħda mill-partijiet ma kienet in bona fide l-effetti ta’ żwieġ validu għandhom japplikaw biss favur l-ulied li jitwieldu jew konċepiti matul iż-żwieġ dikjarat null. Minkejja kull dispożizzjoni oħra, min mir-raġel jew il- mara jkun responsabbli għan-nullità taż-żwieġ, ikun obbligat iħallas manteniment lill-parti l-oħra li tkun in bona fide għal perijodu ta’ ħames snin, liema obbligu jispiċċa jekk il-parti in bona fide tiżżewweġ matul dak iż-żmien.” 

Il-Qorti qalet li, “mill-atti proċesswali skont l-informazzjoni miżmuma mill-Aġenzija Jobsplus, il-missier ilu ma jaħdem u jirreġistra magħhom mit-13 ta’ Frar tas-sena 2012. Mid-dokumenti esebiti mir-rappreżentant ta’ din l-Aġenzija, jirriżulta li fiż-żmien meta ngħatat is-sentenza ta’ separazzjoni fit-23 ta’ Mejju 1995, il-missier kien impjegat bħala lavrant fil-kostruzzjoni ma’ Joseph Sultana minn Għawdex. It-terminazzjoni minn dan l-impjieg hija datata 28 ta’ Frar 1997.

Fis-7 ta’ April tas-sena 1997, il-missier beda xogħol bħala lavrant ma’ Polidano Brothers Limited u żamm dan l-impjieg sas-17 ta’ April tas-sena 1998. Fid-19 ta’ Ottubru tas-sena 1998 beda jaħdem fl-istess pożizzjoni ma’ Carmelo Bugeja sakemm dak l-impjieg kien terminat fit-22 ta’ Jannar tas-sena 1999.

Fl-1 ta’ Frar 1999, beda jaħdem ma’ Pass Developers Ltd. sakemm ingħata s-sensja fit-23 ta’ Marzu 2001. Madanakollu reġa’ ddaħħal għax-xogħol mal-istess kumpanija sakemm ingħata s-sensja fit-2 ta’ Mejju 2003. Fis-6 ta’ Mejju 2003 beda jaħdem ma’ Joseph Portelli sakemm irriżenja fl-10 ta’ Ottubru 2003. 

Il-missier beda jieħu benefiċċji soċjali minn Frar tas-sena 2004 ‘l quddiem, konsistenti minn għajnuna soċjali u sussegwentement mill-pensjoni tal-età. Il-konvenut jirċievi wkoll għajnuna medika u għajnuna supplimentari.  Dak li l-missier  irċieva minn dan l-impjieg kienet il-paga minima nazzjonali, skont dak li xehed l-istess Joseph Sultana waqt l-udjenza tal-21 ta’ Frar 2019.

Il-konvenut però, eżebixxa dokument fiskali li juri li huwa kien jitħallas Lm486 għal xahrejn fis-sena 1997. Jirriżulta li bejn id-19 ta’ Ottubru 1998 sat-22 ta’ Jannar 1999, il-misiser daħħal Lm749.50 u ammonta kumplessivament għal Lm13,178.25.

Esebit rendikont tal-ammonti kollha perċepiti mill-missier mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jirriżulta wkoll li d-Dipartiment tas- Sigurtà Soċjali ddeċieda li għamel ħlas żejjed lill-missier fl-ammont ta’ €28,474.03 u li l-missier huwa obbligat li jirrifondi, iżda dawn id- deċiżjonijiet ġew sussegwentement revokati.”

Il-Qorti qalet li l-mara xehdet li mill-ammonti li l-missier ġie ordnat iħallasha bis-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1995 ma rċeviet xejn ħlief għall-ħlas tas-somma ta’ €731.62 li hija rċeviet mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Tgħid li mhux minnu li l-missier ma kienx jaħdem u kien jirreġistra u li anke fi żmien il-konvivenza tagħhom, huwa kien jaħdem bla ktieb u kien jaqlagħha tajjeb tant li bil-paga tiegħu kienet tgħix il-familja kollha. Hija qalet li huwa kien wiret sehem indiviż mingħand missieru u li dan inbigħ u anke biegħ proprjetà.

Il-mara ressqet prospett li permezz tiegħu ikkwantifikat il-pretensjonijiet tagħha fil-kawża fl-ammont ta’ €105,773.34. Il-Qorti qalet li metą r-raġel ħadem ma’ Joseph Sultana kien jaqla’ madwar Lm243 fix-xahar u dan ifisser li d-dħul tiegħu f’dan iż-żmien kien ta’ Lm5,346 jew €12,452.83. Fix-xahar ta’ Marzu tas-sena 1997 ma jidhirx li ħadem.

Mis-7 ta’ April tas-sena 1997 sas-17 ta’ April 1998 huwa ħadem ma’ Polidano Brothers Limited u daħħal Lm2,524.08 jew €5,879.52. Għax-xhur ta’ Mejju sa Settembru 1998 ma jirriżultax li ħadem u mid-19 ta’ Ottubru 1998 sat-22 ta’ Jannar 1999 ħadem ma’ Carmelo Bugeja u daħħal Lm749.50, jew €1,745.86.  Mill-1 ta’ Frar 1999 sat-2 ta’ Mejju 2003, ħadem ma’ Pass Developers Limited, fejn daħħal b’kollox Lm13,178.25, jew €30,697.06.  

Kien hemm xahar li fih il-missier ma ħadimx. Imbagħad, mis-6 ta’ Mejju 2003 sal-10 ta’ Ottubru 2003 ħadem ma’ Joseph Portelli u daħħal Lm1,599.40, jew €3,725.60.

Irriżulta li l-missier kellu dħul minn fonti oħrajn fosthom  €4,644.38 bħala sehmu mill-bejgħ tal-fond numru 68, fi Triq Anici, Qormi b’kuntratt tat-23 ta’ Diċembru 1996; €2,588.19 minn bejgħ ta’ arja f’Valletta Road, Qormi li saret b’kuntratt tat-18 ta’ Marzu 2004; Lm8,000, jew €18,634.99, li huwa sehem il-konvenut mill-qligħ ġenerat mill-bejgħ ta’ immobbli b’kuntratt tat-22 ta’ Lulju 2003; €19,454, li huwa sehem il-konvenut mill-profitt ġenerat mill-bejgħ tal-maisonette fix-Xewkija f’Għawdex u garaxx fl-istess lokalità bil-prezzijiet ta’ €107,151 u €20,964 rispettivament.

Din il-proprjetà jidher li nkisbet minnhom bil-prezz ta’ €86,190 u mill-qligħ tnaqqas ukoll il-boll inkors biex tinkiseb il-proprjetà. Daħħal  l-ammont ta’ €4,930.57 bħala imgħaxijiet. 

Il-Qorti iddikjarat li, għalhekk, l-ammont kumplessiv dovut lill-mara huwa ta’ €39,278.49. 

Ekonomija

Sport