Monday, April 29, 2024

Interess pożittiv fis-sejħa għal Avukati u Periti biex jassistu ċittadini affettwati mill-kostruzzjoni

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Ministru Jonathan Attard kien ukoll mistoqsi dwar is-sotto kumitat tal-Kabinett li qed imexxi ‘l quddiem l-implimentazzjoni u t-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Jean Paul Sofia.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, il-Ministru Attard ikkonferma li dan il-kumitat jiltaqa’ dejjem qabel il-laqgħa tal-Kabinett fejn jingħata aġġornament dwar il-ħidma li tkun saret fuq diversi inizjattivi.

Huwa nnota wkoll b’sodisfazzjon li kif kien tħabbar ftit sigħat wara li ġie ppubblikat ir-rapport finali tal-inkjesta-Sofia, inħarġet sejħa għal Avukati u Periti biex jipprestaw is-servizzi tagħhom u jassistu mingħajr ħlas lill-individwi li b’xi mod ikunu ġew milqutin b’mod negattiv minn xi żvilupp li jkun qiegħed iseħħ ħdejhom.

“Nerġa’ nenfasizza li dan huwa servizz ġdid li se jkun qed jingħata bla ħlas, għax se jkun il-gvern li jagħmel tajjeb għalih. U fuq dan il-punt nixtieq ukoll inżid li kien hemm interess pożittiv/tajjeb mill-professjonisti hekk kif irċevejna madwar 50 applikazzjoni għall-ħatra t’Avukati, u ‘l fuq minn 20 applikazzjoni għal servizzi ta’ Periti,” qal il-Ministru Attard.

“Dan huwa numru li jimliena bil-kuraġġ għax anke juri li kien hemm interess minn dawn il-professjonisti, li jixtiequ li jagħtu is-servizzi tagħhom liċ-ċittadin. Bħalissa għaddejjin mill-proċess li qed jiġu evalwati l-applikazzjonijiet sottomessi biex eventwalment jintgħażlu dawk li ser ikunu qed iservu fuq dan is-servizz ġdid offrut mill-Gvern.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport