Monday, April 29, 2024

Varata l-konsultazzjoni pubblika ‘Nagħtu t-Tieni Ċans’

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg spjegaw ir-riformi proposti fil-konsultazzjoni pubblika ‘Nagħtu t-Tieni Ċans’.

Waqt din il-konferenza ġie spjegat li l-element ewlieni tar-riforma huwa li l-persuni li jkunu servew is-sentenza u allura ħallsu għall-iżball tagħhom, ser ikunu jistgħu jitolbu ċertifikat supplimentari tal-kondotta li jkun fih rendikont tal-imġiba u tal-programmi li l-persuna tkun segwiet waqt li kienet qed tiskonta s-sentenza biex tkun riabilitata.

“F’din il-konsultazzjoni pubblika qed inressqu ’l quddiem proposti bil-għan li niddiskutu u naslu biex inwettqu riforma li tagħti t-tieni ċans lil dawk il-persuni fostna li jkunu żbaljaw, imma wrew ir-rieda u l-ħeġġa li ma jerġgħux jiżbaljaw,” qal il-Ministru Jonathan Attard, filwaqt li afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern biex kif għamel fl-aħħar snin, ikompli jwettaq riformi u investiment bla preċedent fis-settur tal-ġustizzja biex ikollna soċjetà fejn kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu.

“Hija ħasra li jkollok persuni li jkunu rriformaw u rriabilitaw ruħhom, bir-rieda u l-volontà tagħhom, u l-għajnuna tal-aġenziji, il-fondazzjonijiet, l-organizazzjonijiet u l-għaqdiet u xorta jsibu l-bibien magħluqa meta jiġu biex jintegraw lura fid-dinja tax-xogħol. Għal din ir-raġuni ħassejna li kellna nipproponu din ir-riforma li tixhed l-ideoloġija progressiva li nħaddnu bħala gvern. Bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku b’din il-konsultazzjoni nistgħu nkomplu nibnu soċjetà msejsa fuq l-empatija, il-kompassjoni, it-tolleranza u r-rispett,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-Ordinanza dwar iċ-ċertifikati tal-kondotta saret 91 sena ilu u matul is-snin saru mal-20 reviżjoni tagħha biex tkun aġġornata skont il-ħtiġijiet u r-realtajiet tal-mument. Hija qalet li dan għandu jservi biex min iħaddem ikollu stampa sħiħa tal-persuni li japplikaw għal xi impjieg. Fl-istess waqt ser iservi ta’ inċentiv biex persuni fil-ħabs isegwu l-programmi li qed isiru għalihom mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u minn NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam.

Is-segretarju parlamentari qalet li proposta oħra tal-White Paper hija biex jitnaqqas il-perjodu li ċerti reati ma jibqgħux jidhru fiċ-ċertifikat tal-kondotta. Żiedet li reati gravi ser jibqgħu reġistrati għal dejjem fil-kondotta u kull reat ser jibqa’ jkun reġistrat fil-Fedina Penali.

“Il-gvern irid jagħti t-tieni ċans, qiegħed jagħmel dan b’kawtela u f’bilanċ xieraq li s-soċjetà tistenna. Il-proposti ta’ din il-White Paper huma frott ta’ konsultazzjoni preliminari li saret ma’ entitajiet varji. Nappella lill-għaqdiet u lill-pubbliku biex bl-ideat u bil-proposti tagħhom jieħdu sehem f’din il-konsultazzjoni pubblika li tagħlaq fid-29 ta’ Mejju,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport