Saturday, December 14, 2024

Interess qawwi turistiku għas-sajf f’Malta

talk.mt f’intervista mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mill-indikazzjonijiet li hemm jidher li s-sajf li ġej se jkun wieħed tajjeb ħafna għas-settur turistiku. Dan huwa indikat mill-bookings li diġà saru kemm mal-linji tal-ajru u anke mal-istabbilimenti tal-ospitalità.

F’intervista ma’ talk.mt, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li kollox qed jindika li se jkollna sajf b’saħħtu fejn jidħol it-turiżmu, u dan minkejja l-isfidi kollha li hemm fuq livell internazzjonali.

Huwa beda biex spjega li l-linji tal-ajru qed jindikaw li l-bookings li għandhom huma tajbin ħafna. “Qed naraw li għal dan is-sajf inkunu bejn wieħed u ieħor fl-istess livell mal-ammont ta’ seats li kellna fis-sajf tal-2019, li kien sajf rekord.”

“Iżda l-linji tal-ajru qed jgħidulna li qed ikollhom aktar bookings minn dak li kien hemm fis-sajf tal-2019. Għandna wkoll numru ta’ rotot ġodda fosthom lejn il-Ġermanja u r-Renju Unit, li diġà qed iħallu r-riżultati,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Meta kien qed jitkellem dwar il-bookings li qed ikun hemm fil-lukandi, huwa sostna li jidher li l-interess f’Malta huwa wieħed qawwi ħafna saħansitra “kemm kemm jiżboq dak tal-2019.”

“Jidher li għandu jkollna sajf tajjeb ħafna minkejja l-isfidi kollha li hemm fuq livell internazzjonali. Minkejja dan kollu, qed jirnexielna niksbu dawn ir-riżultati pożittivi,” tenna l-Ministru Bartolo.

Filwaqt li awgura li jkollna sajf ta’ suċċess, il-Ministru għat-Turiżmu appella għar-responsabbiltà mis-settur privat, kemm mil-lukandiera u anke mir-ristorantiera, biex dawn ma jarawx sal-ponta ta’ mneħirhom b’mod partikolari anke fejn jidħlu l-prezzijiet.

“Il-kompetittività fil-prezzijiet trid tibqa’. Aħna dejjem għedna li m’aħniex se niġġieldu fuq il-prezz. Ma nistgħux inkunu l-irħas destinazzjoni. Però rridu nkunu destinazzjoni ta’ kwalità li tagħti valur għall-flus. Inutli jkun hawn min jispara f’siequ u jaqbad jgħolli l-prezzijiet kemm irid għax eventwalment jista’ jkun il-każ li dak it-turist li ġie għandu ma jerġax jagħżlu,” qal il-Ministru Bartolo.

Għalhekk filwaqt li huwa tajjeb li ngawdu mis-suċċess, għandna nagħmlu dan b’mod responsabbli. Saħaq li kif konna responsabbli fi żminijiet ibsin u kif il-Gvern kien hemm biex jgħin fl-aktar mumenti diffiċli, issa wasal iż-żmien li s-settur privat ikun responsabbli hu wkoll u jassigura l-kompetittività ta’ pajjiżna f’dan iż-żmien meta għandu jkollna sajf daqstant b’saħħtu.

Irkupru b’saħħtu li jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra Ewropej

Misoqsi dwar x’passi ħadet Malta biex irnexxielha tirkupra daqstant b’ritmu mgħaġġel mill-effetti tal-pandemija, huwa semma kif il-Gvern kien ħareġ bi pjan ta’ €20 miljun li llum il-ġurnata qed naraw il-frott tiegħu. “Għaliex l-irkupru li kellna anke matul is-sena li għaddiet tant kemm kien b’saħħtu li saħansitra kien jiżboq dak ta’ pajjiżi oħra Ewropej.”

“Flimkien mal-konnettività ħdimna fuq kampanja ta’ marketing u ħarisna lejn niċeċ turistiċi ġodda li jwasslu għal aktar turisti fuq it-titjiriet li ġejjin lejn Malta. Dik qed tagħmel id-differenza kollha.

“Jekk inqabblu is-seat load factor tal-lum ma’ dak ta’ qabel il-pandemija isib differenza notevoli. Jekk qabel kellek seat load factor ta’ madwar 74% bħala medja, illum dan qed jaqbeż it-85% u f’ċertu każi 95% fuq ċertu titjiriet.

“Dan jimlina b’aktar kuraġġ biex naħdmu aktar, biex insaħħu dak li għandna u nħarsu lejn swieq ġodda. Qed jirnexxielna li nibnu s-sostenibiltà fit-turiżmu. Ma rridux li din tkun sempliċi buzzword,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Huwa sostna wkoll li qed jirnexxielna nattiraw turisti lejn pajjiżna li qed jonfqu iżjed. “Ir-riżultati diġa’ qed juruna li qed naslu għall-miri tagħna li jkollna nefqa iżjed fil-pajjiż li tkun qed tgħin fit-tkabbir ekonomiku li tant għandna bżonn.”

Ekonomija

Sport