Waqt żjara dalgħodu fl-MCAST il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar miżura oħra mmirata lejn iż-żgħażagħ. Din il-proposta hija mmirata għall-istudenti biex itejbu l-ħiliet tagħhom.
Dr Abela qal li huwa konxju li ħafna żgħażagħ jagħmlu internships jew traineeships waqt jew wara l-kors edukattiv tagħhom iżda ma jitħallsux għalih. Fisser li b’din il-proposta Partit Laburista fil-Gvern se jibda proċess biex it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol jiġi rikonoxxut fil-liġijiet tax-xogħol ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru żied jgħid li b’din ir-riforma jingħata ħlas xieraq lill-istudenti u l-gradwati, se tissaħħaħ il-kwalità tat-tagħlim u jingħata rikonoxximent formali lil dawn l-esperjenzi ta’ xogħol.
Dr Abela qal li din il-proposta tifforma parti minn kullana ta’ proposti oħrajn li qed jitħabbru bħala parti mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista fil-konfront taż-żgħażagħ.
Proposti oħrajn li tħabbru diġà għaż-żgħażagħ jinkludu:
– Il-proposta Kick Start li se tgħin żgħażagħ li jibdew in-negozju tagħhom fl-ewwel 3 snin minn meta jibdew jaħdmu full-time jew jiftħu l-istart-up tagħhom. B’din il-proposta iż-żgħażgħ mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel 30,000 tad-dħul tagħhom, u b’hekk mistenni li jibqgħalhom sa massimu ta’ €12,300 addizzjonali fil-but fuq medda ta’ 3 snin.
– Sabiex ngħinu aktar liż-żgħażagħ li jimirħu f’negozju ġdid, żgħażagħ li jwaqqfu start-up se jkunu provduti b’servizz ta’ assistenza legali bla ħlas filwaqt li jiġu eżentati mill-ħlas tal-miżati tal-Malta Business Registry fl-ewwel ħames snin mit-twaqqif tan-negozju tagħhom.
– Wara l-inizjattiva Intrapriża 16 għamlitha possibbli biex żgħażagħ ta’ bejn sittax u tmintax-il sena jwaqqfu l-ewwel negozju tagħhom, issa qed naraw li nvaraw programm ta’ mentorship bis-sehem ta’ imprendituri lokali biex iż-żgħażagħ ikollhom l-għarfien meħtieġ biex jibnu n-negozji tagħhom.
– Żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 21 sena se jingħataw kreditu ta’ €200 fis-sena li jissejjaħ Arts Pass u li jkunu jistgħu jużawh biex jattendu avvenimenti kulturali bħal kunċerti mużikali, wirjiet, produzzjonijiet teatrali, f ilms u sfilati tal-moda, fost oħrajn. Apparti minn hekk se jiżdied il-finanzjament iddedikat għall-Culture Pass sabiex aktar studenti minn aktar skejjel primarji, sekondi u post sekondarji jkollhom aċċess għall-arti.
– L-iskema Youth Fitness Support se tiġi estiża għall-attivitajiet fiżiċi oħra apparti s-sħubija b’xejn f’gym għal sitt xhur. B’hekk se nkunu qed nippromwovu iktar l-attività fiżika u l-benesseri fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa filwaqt li qed nikkommettu ruħna li nwasslu servizzi ġodda ta’ saħħa mentali fuq il-kampus tal-MCAST, il-Junior College u l-Università ta’ Malta.
– My First Home hija wkoll proposta oħra li ż-żgħażagħ se jibbenefikaw minnha fl-eventwalità li l-Partit Laburista jerġa’ jingħata l-fiduċja tal-poplu. Wegħda fejn il-Gvern ikun qed jislef sa 25% tal-valur tal-propjetà lill-first-time buyers bla interessi. Dan fuq proprjetajiet ta’ valur sa massimu ta’ €300,000 għal persuni single bi dħul massimu ta’ €40,000 u €350,000 għall-koppji bi dħul konġunt massimu ta’ €60,000. Koppji jew persuni li jixtru waħedhom se jiffrankaw bejn €65,000 u €75,000 f’interessi.
Il-Prim Ministru qal li l-viżjoni li għandu l-Partit Laburista għaż-żgħażagħ hija li jifhem ir-realtajiet tagħhom, u jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol, l-istudju u l-ħin liberu tagħhom.


