Thursday, May 7, 2026

Il-Partit Laburista jipproponi tnaqqis fit-taxxa tal-boll għan-negozji tal-familja

Il-PN jgħaffiġha fin-numri marbuta mal-proposti dwar it-taxxa

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista ħabbar żewġ proposti mill-manifest elettorali li huma mmirati għat-trasferiment tan-negozju lill-membri tal-familja.  Dawn il-miżuri jħarsu kemm ir-realtajiet prattiċi tan-negozji kif ukoll is-sostenibbiltà fiskali u ċ-ċertezza legali. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar li Partit Laburista fil-Gvern se jnaqqas  b’mod permanenti t-taxxa tal-boll minn 5% għal 1.5% fuq it-trasferiment ta’ negozju bejn membri tal-familja.  It-tieni proposta li ħabbar taħseb biex id-donazzjoni tan-negozju tiġi rreġistrata mill-bidu tal-proċess biex l-eredi jibbenefikaw mir-rata ta’ 1.5% jekk it-trasferiment jitlesta fi żmien sena mill-mewt ta’ wieħed mid-donaturi.

Il-Ministru Attard qal li l-bidliet proposti huma mfassla biex jiffaċilitaw it-trasferiment tan-negozji bejn il-familji, jonqsu l-ostakli amministrattivi u jipprovdu iktar ċertezza legali.  Spjega li b’hekk qed jitħaddem il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali billi l-ekonomija toħloq il-ġid u tqassmu b’mod ġust ma’ kulħadd.

Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar it-taxxa hi żbaljata u mhix kredibbli

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, li spjega kif in-numri ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista iktar kmieni llum b’rabta mal-proposta dwar it-taxxa ma jagħmlux sens.   Il-Ministru Caruana qal li l-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarjiiet għamel kalkoli ħżiena meta qal li madwar 300,000 ħaddiem kienu se jingħataw garanzija ta’ minimu ta’ €1,200 fis-sena permezz tal-miżura tal-income tax.  

Irrimarka li l-PN stess indika li l-ispiża netta tal-proposta kienet se tkun bejn €110 miljun u €130 miljun fis-sena, mentri l-Ministru Caruana qal li jekk wieħed jimmultiplika 300,000 persuna b’€1,200, l-ispiża tasal għal €360 miljun.  Caruana qal li l-PN għaffiġha fin-numri tant li “marru żmerċ mhux darba imma tal-inqas darbtejn” dwar il-proposti marbuta mat-taxxa.  Dan għax bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista jeħtieġ madwar €260 miljun iktar minn dak li ntqal mill-istess PN fil-konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru Caruana qal li dan juri nuqqas ta’ serjetà, professjonalità u kredibbiltà fit-tħaddim tal-finanzi pubbliċi u rrimarka li l-Partit Nazzjonalista għadu ma ppreżentax il-miri finanzjarji tiegħu, bil-proposti li qed jitressqu mill-PN huma iktar irkant milli pjanijiet kredibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport