Friday, December 13, 2024

Intervista lill-Assessur tar-Riskju fl-FSWS Carol Ellul

Aqra wkoll

Miktub minn Charlo Lautier- Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS 

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal (MFCS). 

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali hi l-aġenzija nazzjonali għas-servizzi soċjali f’Malta u Għawdex. Din il-Fondazzjoni toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ’l fuq minn 900 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żgħażagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179 u 1772 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert. 

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettal ma’ Carol Ellul li hija Risk Assessor dwar il-karriera tagħha fil-Fondazzjoni. 

X’ħajrek biex tagħżel karriera fil-qasam soċjali? 

Jien minn dejjem kelli karattru li nħobb ngħin lin-nies. Niftakar meta kelli 19-il sena kienu ħarġu l-applikazzjonijiet għal Pulizija u dħalt fil-korp. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija dik li nservi lil pajjiżi. Id-dover tiegħi kont nagħtih 24 siegħa kuljum għax meta tkun fil-korp trid tkun ta’ servizz anke meta ma tkunx bl-uniformi. Fis-sena 2001 ħija Andy kien inkoraġġieni biex nagħmel kors fil-psikoloġija l-Università u wara li ggradwajt dħalt naħdem l-Università stess fejn sentejn wara bdejt fl-Aġenzija Appoġġ fis-servizz tal-qrati. Kien xogħol intensiv u interessanti immens. Fil-fatt l-ewwel każijiet soċjali li ltqajt magħhom kien proprju f’dan il-perjodu. Minn dak iż-żmien qatt ma ħarist lura u għadni naħdem fil-qasam soċjali sal-ġurnata tal-lum. 

Fiex kien jikkonsisti t-taħriġ biex inti stajt twettaq ix-xogħol tiegħek? 

Biex stajt nidħol naħdem f’dan ix-xogħol ridt li nkun iggradwata fil-psikoloġija f’livell 6. Meta dħalt assessur tar-riskju kelli ħafna taħriġ intensiv speċjalment fejn tidħol il-vjolenza domestika. Kellna taħriġ aktar speċjalizzat biex stajna nitgħallmu fuq bosta kulturi ta’ pajjiżi oħrajn. Kellna nifhmu d-differenzi bejn il-kultura ta’ pajjiżna u kulturi ta’ pajjiżi barranin. It- taħriġ għadu għaddej sal-ġurnata tal-lum biex ovvjament inkunu dejjem aġġornati maż-żminijiet. 

Taħseb li bil-kors tal-Università biss, tkun lesta tindirizza l-problemi li tiltaqa’ magħhom? 

Għalkemm il-kors tal-Università jgħinek, meta tmur bħala placement waqt l-istudju, it-taħriġ u l-esperjenza waqt ix-xogħol jagħmluk dak l-impjegat li tkun dejjem hemm biex tgħin lil ħaddieħor. Il-karattru jgħin ukoll biex ikollok dik il-vokazzjoni. L-għajnuna li tagħti lill-klijenti ttik sodisfazzjon u ma tridx tħares biss lejn is-salarju. 

Kif tkun il-ġurnata tipika ta’ Risk Assessor? 

Il-ġurnata ta’ assessur tar-riskju tista’ tgħid hija 24 siegħa kuljum għax ikun x’ħin ikun, dejjem trid tkun lesta biex tgħin lill-vittmi. Ix-xogħol jikkonsisti li meta jkun hemm każ trid tagħmel l-assessjar tal-vittma u wara eventwalment tkun trid tmur tixhed fil-Qorti. Ix-xogħol huwa vast ħafna, minn dak klerikali, preparamenti għall-Qorti kif ukoll taqdi ’l dawk li jiġu fl-uffiċċju għall-għajnuna. Dawk li jmorru jagħmlu rapport għand il-Pulizija fuq każ ta’ abbuż ta’ vjolenza domestika, iċemplulna biex nassistu l-vittmi fil-kwartieri ġenerali tagħhom il-Furjana f’post attrezzat apposta fejn saħansitra anke hemm kmamar għat-tfal biex joqogħdu jilagħbu waqt li jsir l-assessjar min-naħa tagħna. Inħoss li fil-kwartieri ġenerali aħna nħossuna aktar sikuri milli nagħmlu dan l-assessjar f’xi għassa tal-pulizija. 

Kif tindirizza każijiet diffiċli? 

Nibda biex ngħid li nindirizza l-każijiet diffiċli kollha bl-aktar mod uman possibbli. Meta jinqala xi każ aħna ningħaqdu kollha f’daqqa f’tim wieħed biex il-vittma tkun moqdija 100%. It-tim li jkun magħmul minn professjonisti f’dan il-qasam irid jassikura li l-vittma jkollha post sikur fejn toqgħod jekk tkun ta’ periklu li tirritorna fir-residenza tagħha. Grazzi għall-Gvern il-vittma tingħata ċans ukoll li tieħu parir mingħand avukat mingħajr ħlas. F’każijiet aktar diffiċli aħna naħdmu id f’id mal-korp speċjalizzat tal-pulizija fuq il-vjolenza domestika biex tittieħed azzjoni immedjata skont il-każ li jkun hemm quddiemna. Jekk ikun hemm bżonn ta’ arrest, dan iseħħ minnufih biex tkun protetta l-vittma. 

Tista’ tispjega kif isir l-assessjar tal-klijenti u kif tidentifika riskji? 

L-assessjar isir billi jsiru sett ta’ mistoqsijiet lil vittma u b’hekk jiġi stabbilit il-fattur tar-riskju. Wara dawn il mistoqsijiet jekk jirriżulta li l-persuna tkun fil-periklu, tittieħed id-deċiżjoni biex ssir azzjoni mmedjata. Jekk il-każ ikun ta’ swat aggressiv, il-pulizija jieħdu azzjoni qabilna u l-allegat aggressur jittella’ l-qorti b’urġenza. 

Xi sfidi tiltaqa’ magħhom fix-xogħol tiegħek ta’ kuljum? 

L-ikbar sfida li qed niltaqgħu magħha bħalissa hi li l-każi ta’ vjolenza domestika qed jiżdiedu ferm. Il-każijiet li għandna u qed nieħdu ħsieb huma diġà sfida u l-każijiet il-ġodda jkomplu jagħmlu din l-isfida aktar intensiva. Peress li aħna noffru dan is-servizz, meta nibdew każ inkunu rridu nkompluh u nsegwuh biex intejbu kull każ li jkollna. L-isfida ewlenija tkun dejjem li ngħinu lil klijent fil-bżonnijiet tiegħu. 

Kif kellkom tadattaw ix-xogħol tagħkom fi żmien il-pandemija? 

Fil-pandemija aħna peress li konna front liners kellna mmorru nirrapurtaw għax-xogħol normali biex ngħinu lin-nies. Għalkemm kienu żminijiet diffiċli aħna konna attrezzati bl-għodod kollha ta’ prevenzjoni kontra l-pandemija u konna wkoll minn tal-ewwel li ġejna vvaċċinati. Sfortunatament il-każijiet ta’ vjolenza domestika fi żmien il-pandemija splodew ’il fuq u għalhekk konna qed inqisu dawk iż-żminijiet vera diffiċli għalina. 

X’sodisfazzjon tieħu minn dan ix-xogħol? 

Dan ix-xogħol għalkemm mhux faċli u fil-ġurnata tiegħek tisma’ u tara wġigħ kbir speċjalment meta jkun hemm it-tfal involuti, is-sodisfazzjon huwa enormi meta ttejjeb il-ħajja ta’ dak li jkun. Hemm servizz ħolistiku u magħqudin bħala tim wara x-xogħol tagħna, hemm timijiet ta’ ħaddiema soċjali u nies professjonisti minn kull qasam biex ikunu ta’ sapport għal dawn il-familji. 

X’pariri tagħti lil dawk kollha li jixtiequ jidħlu fis-settur tal-qasam soċjali? 

Il-parir li nagħti lil dawk li għandhom ħsieb jidħlu fil-qasam socjali hu li jekk għandhom il-vokazzjoni li jgħinu u huma nies li jisimgħu, m’hemm xejn milli jżommhom li jaħdmu f’dan il-qasam u nassigurahom li meta jibdew f’dan il-qasam ikollhom sodisfazzjon kbir. 

Ekonomija

Sport