Sunday, October 27, 2024

Intervista mal-għawwiem Andrew Chetcuti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm?

Niftakar li kelli dawk l-erba’ snin u dak iż-żmien kont nibża’ xi ftit mill-baħar. Niftakar li ommi u missieri riedu jgħinuni sabiex negħleb din il-biżgħa u għalhekk kitbuni fi club tal-għawm.

Minn hemm din il-biżgħa bdiet tgħib għax ksibt iktar kunfidenza fl-ilma u ta’ għaxar snin bdejt nikkompeti f’diversi kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali.

Peress li kont ngħix fl-Emirati Għarab Magħ­quda u aktar tard fl-Istati Uniti, kelli ċ-ċans li nesperjenza tipi u stili differenti ta’ għawm u għamilt ħafna ħbieb f’dawn is-snin.

Meta kelli 15-il sena kkompetejt għall-ewwel dar­ba għal Malta fil-logħob tal-FISEC. Kien unur kbir għalija li nasal sa dan il-li­vell speċjalment meta ppar­teċipajt fil-Logħob tal-Paj­jiżi ż-Żgħar tal-Ewropa u anke l-Logħob Olimpiku f’Londra, Rio de Janeiro u ftit ilu f’Tokyo.

Liema kien l-aktar unur li rnexxielek tirbaħ s’issa?

L-iktar li tibqa’ f’moħħi hija l-memorja tal-ewwel midalja li rbaħt fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Liechtenstein fis-sena 2011.

Dakinhar kont ħadt sehem fil-100 metru freestyle u rbaħt il-midalja tal-fidda. Kien mument li diffiċli tinsih u kont onorat li ġibt l-ewwel midalja tiegħi għal pajjiżi.

Liema huwa l-istil li jogħġbok l-aktar meta tiġi biex tipparteċipa f’kompetizzjoni tal-għawm?

Hemm diversi stili li huma preżenti fil-kompetizzjonijiet tal-għawm li jsiru iżda naħseb l-iktar li nħossni komdu hu proprju fil-50 metru jew il-100 metru freestyle. Kelli wkoll xi parteċipazzjoni fil-4×100 metru medley għalkemm kif għedtlek il-freestyle jib­qa’ l-iktar favorit. Ġieli ppruvajt xi stili oħra iżda ma tantx ħassejtni daqs­hekk komdu fihom.

Tista’ tagħtina ftit dettalji rigward il-coach tie­għek li jħarrġek bl-aħjar mod possibbli?

Il-coach tiegħi hu Grant Kritzinger, li huwa midħla sew tal-għawm minħabba li apparti li kien jikkompeti f’din id-dixxiplina, ilu jikkowċja għal diversi snin u għalhekk għandu esperjenza vasta.

Peress li huwa jgħix Malta u jien fl-Istati Uniti, kien jibgħatli ta’ spiss programm ta’ taħriġ li kien magħmul b’reqqa kbira.

Hu kien isegwini sew u nirringrazzjah tal-paċenzja li ħa bija. Il-pariri siewja li tani dejjem segwejthom għax naf li dak li kien u għa­du jgħidli, iservini ta’ ġid.

Liema kien l-aħħar suċ­ċess li rbaħt barra minn Malta?

Fl-aħħar Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2019, ksibt midalja fil-50 metru freestyle kif ukoll fir-relay.

Kif għedtlek, verament nieħu gost nikkompeti għal Malta, hu unur kbir għalija u jidher li l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar huma l-favoriti tiegħi għax dejjem nikseb xi midalja. Niftakar b’għożża kbira l-edizzjonijiet li pparteċipajt fihom f’dawn l-aħħar 10 snin fil-Lussemburgu, l-Islanda u San Marino.

Kif tiddeskrivi l-aħħar esperjenza li kellek fil-Logħob Olimpiku ta’ Tokjo li saru ftit tal-ġranet ilu?

Kienet esperjenza sabiħa ħafna fejn dejjem titgħallem xi ħaġa ġdida.

Ħadt sehem fil-kompetizzjoni tal-100 metru freestyle fejn spiċċajt fit-tieni post tal-heat għalkemm b’xorti ħażina ma rnexxielix ngħaddi għar-round li jmiss. Spiċċajt it-tellieqa f’ħin ta’ 51.47 sekondi u kont inqas minn sekonda bogħod mir-rebbieħ.

Il-fatt huwa li l-aqwa 16-il għawwiem li jkunu ve­loċi f’disa’ heats jiġu garantiti post fis-semifinali tal- 100 metru freestyle.

Kienet edizzjoni ferm stramba dik li saret f’Tokjo minħabba r-restrizzjoni­jiet li kien hemm dovuti għall-pandemija tal-Co­vid-19. Madankollu dej­jem ħsibt fil-pożittiv u l-fatt li dawn il-logħob sa fl-aħħar saru wara li ġew posposti b’sena.

Int għadek qed tistudja jew inkella bdejt taħdem?

Wara snin twal ta’ studju, b’sodisfazzjon ngħid li gradwajt fil-fiżjoterapija.

Verament kont kuntent meta rċevejt ir-riżultati għax wara dak is-sagrifiċ­ċju u l-istudju kollu li għamilt, ġejt ippremjat. Illum nieħu dan ix-xogħol b’entużjażmu u serjetá kbira u ma jiddispjaċinix li qbadt din il-linja.

Kif jirnexxielek tlaħħaq bejn xogħol, taħriġ u kompetizzjonijiet?

Din hi mistoqsija inte­ressanti ħafna! Nistqarr miegħek li norganizza sew il-ġurnata sabiex nipprova nlaħħaq ma’ kollox. Naf li mhux xi ħaġa faċli li nagħmel dan iżda dejjem irnexxieli nagħmilha.

Jien ngħid ukoll li ladarba jkollok id-determinaz­zjoni, kollox tkun kapaċi tagħmel. Jien dejjem nieħu dawn l-isfidi b’pożittivitá u huwa għalhekk li dejjem laħħaqt ma’ dak kollu li kelli.

Kif tipprepara psikolo­ġikament qabel xi kompetizzjonijiet?

Qabel xi kompetizzjoni, dejjem inżomm ruħi rilassat sabiex nagħti l-aqwa wirja possibbli.

Niftakar li meta kkompetejt f’Rio de Janeiro fil-Logħob Olimpiku ta’ ħames snin ilu, ma kontx daqshekk rilassat u dan seta’ effettwa l-wirja tiegħi.

Madankollu għal-Lo­għob ta’ Tokyo kont ippreparat sew mhux biss fi­żi­kament iżda wkoll psi­ko­loġikament fejn għa­milt ukoll xi meditazzjoni li għenitni ħafna.

Jien bniedem pożittiv li dejjem inħares lejn il-lat pożittiv tas-sitwazzjoni apparti li nipprova nkeċċi kull ħsieb negattiv.

Naħseb fuq il-familja tiegħi li tant tagħtini sapport u anke fil-mumenti meta mort tajjeb. Dan għa­lija huwa xprun sabiex ikolli wirja tajba fl-ilma.

X’tikkummenta dwar l-għajnuna li tatek l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Għawm (ASA)?

Ngħid għalija, huma għe­nuni ħafna mhux biss matul dak iż-żmien meta konna f’Tokjo iżda wkoll qabel il-kompetizzjoni pro­prja.

Huma żammew kuntatt miegħi permezz ta’ kollegamenti virtwali filwaqt li ħasbu għal kull ħaġa relatata mal-parteċipazzjoni tiegħi.

Kemm jgħinek l-għawm fil-ħajja ferm impenjattiva tiegħek?

Nista’ ngħidlek li jgħinni ħafna sabiex niffaċċja l-ħajja bl-aħjar mod possibbli. Wara kważi disa’ sigħat ta’ xogħol, meta ninżel fil-pixxina sempliċement biex ngħum xi għawma jew inkella nitħarreġ, moħħi jistrieħ mill-istress li x-xogħol iġib miegħu.

Meta kont għadni qed nistudja, dejjem daħħalt dak il-ħin għall-għawm u nista’ ngħidlek li bis-saħħa ta’ dan kollu, aktar rajtni iffukat u eventwalment ġibt marki tajbin.

X’se jkun il-futur ta’ Andrew Chetcuti?

Bħalissa iktar qed naħseb fuq il-preżent hekk kif beħsiebni nieħu dawk it-tliet jew erba’ ġimgħat ta’ vaganzi wara xhur ta’ taħriġ ma jaqta’ xejn sabiex inkun lest għal-Logħob Olimpiku. Ovvjament mhux se naqta’ t-taħriġ għax dak jibqa’ ferm importanti.

Kif jgħaddi dan ix-xahar, se nkun qed nipprepara bis-sħiħ għall-kompetiz­zjoni Ewropea tal-għawm li din is-sena se ssir fil-belt Russa ta’ Kazan, f’Novembru li ġej. Irrid inkun ippreparat bi sħiħ sabiex inġib riżultati tajbin.

Issa jekk insemmilek futur ta’ madwar erba’ jew ħames snin oħra, illum il-ġurnata għandi 28 sena u m’għadnix daqshekk żgħir.

Bil-mod il-mod se nkun qed nersaq lejn tmiem il-karriera tiegħi għalkemm fadalli dawk il-kompetiz­zjonijiet li għandi objettivi ċari għalihom.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fl-għawm.

L-ewwel u qabel kollox, huwa importanti li huma jieħdu pjaċir jipprattikaw l-isport u ma jieħduhx b’serjetá esaġerata. Meta tieħu pjaċir, ir-riżultati aktar narahom jiġu. Fuq kollox ma tistax ma tagħmilx sagrifiċċji sabiex tikseb dak li tixtieq.

Importanti wkoll li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu attivi fiżikament għax dan jgħin sabiex ikollna soċjetá futura aktar b’saħħitha.

Sport