Saturday, May 4, 2024

It-Taljani jilħqu rekord ta’ kull żmien

Aqra wkoll

L-Italja kitbet l-istorja meta nhar il-Ħadd stabbiliet rekord ta’ kull żmien ta’ 36 logħba internazzjonali mingħajr telfa, għalkemm hemm xi dibattitu fil-Brażil dwar jekk din hijiex ġdida jew sempliċement daqsha.

L-Azzurri issa huma bla telfa mill-partita ta’ ħbiberija li spiċċat draw 1-1 mal-Ukrajna fl-10 ta’ Ottubru, 2018.

Din hija sensiela ta’ 29 rebħa u seba’ draws bejn in-Nations League, il-kwalifiki tal-Kampjonat Ewropew u tat-Tazza tad-Dinja, il-partiti tal-Euro 2020 u l-partiti ta’ ħbiberija.

Huma ġew miżmuma draw 0-0 mill-Isvizzera f’Basel, hekk kif Jorginho ra l-penalty tiegħu jiġi salvat minn Yann Sommer.

Spanja kellhom is-sensiela ta’ 35 logħba mingħajr telfa bejn l-2007 u l-2009.

Madankollu, xi wħud fil-Brażil jinsistu li s-sensiela tagħhom fil-fatt hija ta’ 36 partita, meta jridu jinkludu d-draw 2-2 mar-Rumanija B f’Settembru, 1995 għalkemm logħba internazzjonali hija meqjusa biss bejn it-timijiet A taż-żewġ pajjiżi.

Jekk din hija inkluża, allura s-Selecao marru mingħajr telfa għal 36 logħba mill-1993 sal-1996.

Iżda l-Italja diġá tinsab fil-kotba tar-rekords tal-football ta’ kull żmien u għandhom l-opportunitá li jpoġġu l-kwistjoni mingħajr dubju meta għada jilagħbu kontra l-Litwanja fi kwalifikazzjoni oħra għat-Tazza tad-Dinja.

Sport