Saturday, December 21, 2024

Intervista mal-għawwiema Sasha Gatt

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn l-għawm?

Darba ommi ħaditni ngħum ta’ età żgħira ħafna ma’ ħabibti. Ladarba bdejt ngħum xejn ma waqqafni u minn hemm komplejt navvanza fil-karriera tiegħi.

Tiftakar liema kien l-ewwel unur prinċipali li ksibt?

L-ewwel kisba tiegħi kienet ir-rekord nazzjonali tal-korsa twila tal-400m freestyle fl-età ta’ 13-il sena f’Malta.

Kif nafu l-għawm għandu ħafna tipi ta’ kompetiz­zjonijiet li jiġu organizzati. Liema hija l-iktar waħda li tħossok komda tipparteċipa fiha?

Nipprattika l-erba’ dix­xiplini tal-għawm, iżda l- istil preferut tiegħi huwa l-freestyle. Inqis lili nnifsi bħala għawwiema fuq distanza twila u għalkemm nipparteċipa fil-1500m, 800m, 400m, 200m u 100m, l-avveniment favorit tiegħi huwa t-800m freestyle.

Tista’ tagħtina dettalji dwar il-coach li titħarreġ miegħu?

Ilni żmien twil ħafna nitħarreġ mal-coach tiegħi, Ioan Catalin Stan. Bnejna rabta qawwija u fiduċja reċiproka. Mingħajru ma stajtx nikseb dak li ksibt sal-lum.

… u dwar l-aħħar unuri li ksibt barra minn Malta?

L-ewwel avveniment internazzjonali tiegħi għall- 2021 kien fis-Slovakkja fejn ikkompetejt fil-1500m freestyle, u ksirt ir-rekord naz­zjonali tiegħi stess b’seba’ sekondi, u spiċċajt it-tieni overall. 

Ikkwalifikajt u kkompetejt ukoll fil-Kampjonati Ewropej Akwatiċi f’Buda­pest u fil-Kampjo­nati Ewropej tal-Għawm tal-Juniors f’Ruma fejn ikkompetejt fit-800m u l-1500m rispettivament.

Fl-avveniment tal-1500m irnexxieli nikkwalifika wkoll għall-finali u ksirt ir-rekord nazzjonali tiegħi fit-800m bi tliet sekondi u l-1500m bi 12-il sekonda u spiċċajt fis-seba’ post ġene­rali. 

Jien ikkompetejt ukoll fil-Logħob Olimpiku ta’ Tokjo fejn ħadt sehem fl- avvenimenti tal-400m u l-1500m freestyle. Kienet esperjenza ta’ tagħlim immensa li minnha tgħallimt ħafna u li tatni aktar motivazzjoni biex naħdem aktar. 

Li nsir atleta Olimpika kienet ħolma li saret realtà li kienet frott ta’ ħafna xo­għol iebes, impenn u sagrifiċċji. Riċentement ikkwalifikajt u pparteċipajt ukoll għall-Kampjonati Ewropej tax-Short Course tal-LEN f’Kazan, ir-Russja fejn ksibt erba’ rekords naz­zjonali tal-korsijiet qosra fil-1500m, fit-800m, fl-400m u fil-200m freestyle kif ukoll fil-Kampjonati tal-Għawm tad-Dinja tal-FINA (25m) li saru f’Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Magħquda.

X’tikkummenta fuq meta ksirt ir-rekord tal-400m f’pajjiżna?

Ir-rekord preċedenti li ksibt f’Malta fl-400m freestyle, kienet tellieqa li kont nistenna li mmur tajjeb, iżda mhux daqshekk. Dak kien l-aħjar ħin personali tiegħi u jien kuntenta ħafna bih.

Kemm issibu għajnuna mill-ASA?

Nirringrazzja ħafna għal dak li l-ASA tagħmel għalina. Dejjem jagħmlu minn kollox biex jgħinu b’kull mod possibbli u dejjem ifittxu kompetizzjonijiet u opportunitajiet ġodda għall- għawwiema kollha.

Tista’ tagħtina ftit dettalji dwar l-infrastruttura li teżisti f’Malta fejn x’jaqsam it-taħriġ tal-għawm?

Sfortunatament, f’Malta aħna limitati ħafna fejn jidħlu faċilitajiet biex ngħi­nu lill-għawwiema jissodisfaw l-impenji tagħhom.

Peress li l-isport akwatiku kollu jsir fil-Pixxina Nazzjonali, il-ħin allokat għall-għawm huwa limitat ħafna peress li l-istess pixxina tkun trid tintuża għall-waterpolo u għawm sinkronizzat fost oħrajn.

Barra minn hekk, peress li jien nipprattika l-għawm fuq distanza twila, għandi l-opportunità li nitħarreġ f’karreġġjata tal-għawm ta’ 50m filgħodu biss filwaqt li wara nofsinhar ikolli nagħmel is-sessjoni tiegħi f’korsija ta’ 25m. 

Għalkemm it-taħriġ kollu huwa ta’ benefiċċju, li jkun hemm aċċess għall- korsiji ta’ 50m għas-ses­sjonijiet kollha ċertament li jkun aktar ta’ benefiċċju.

Kemm huwa importanti li f’Malta tinbena pixxina indoor?

Il-pixxina indoor li qed tinbena se tkun ta’ għajnuna kbira għall-għawwiema. Meta mmorru barra minn Malta, l-aktar li nikkompetu ikun f’pixxini indoor u nieħdu ż-żmien biex naddattaw ruħna għali­hom.

Problema li nara f’Malta hija l-fatt li intom tikkompetu kontra l-istess għawwiema u għalhekk meta tipparteċipa f’kompetiz­zjoni barra minn Malta, ir-realtá tkun waħda diffe­renti. Kemm huma importanti t-training camps li tieħu sehem fihom int b’mod regoalri barra minn xtutna?

Kompetizzjonijiet internazzjonali huma estremament importanti. 

Ir-realtà f’Malta hi li dejjem nikkompetu kontra l-istess grupp ta’ għawwiema. Dan ma jġiegħlniex nim­buttaw lilna nfusna kemm nixtiequ. Huwa għal­hekk li meta jkollna l-opportunità, li mmorru barra mix xtutna, neħduha u niffaċċjaw ir-realtà li nikkompetu kontra għawwiema internazzjonali.

Il-kampijiet ta’ taħriġ huma mill-aktar importanti għall-preparazzjoni tagħna fid-dawl tal-kompetizzjo­nijiet internazzjonali.

Għawwiema f’pajjiżi oħra jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom f’kampijiet ta’ taħriġ ukoll li jgħinu bis-sħiħ fil-prestazzjoni tagħ­hom waqt il-kompetizzjoni.

Kemm huwa importanti li għawwiem ikun ippreparat ukoll psikoloġikament għal tellieqa?

Fl-opinjoni tiegħi l- għawm huwa wieħed mill- aktar sport diffiċli. Importanti li għawwiem ikun ippreparat mhux biss fiżi­kament iżda wkoll mentalment għax jista’ jaffettwa kif inti taġixxi fit-tellieqa.

Ħaġa li ddejjaqni l-aktar fl-isport kollu f’Malta hija l-mentalità li għandhom xi nies. Nisma’ ħafna kummenti jgħidu “ħadd ma jista’ jasal imkien f’Malta bl-sport” jew “jeħtieġ li tmur barra minn Malta biex tasal xi mkien”. 

Ma nifhimx din il-mentalità. Kif jista’ dan mentalment jinkoraġġixxi lill-atleti f’Malta biex jibqgħu għaddejjin u jitjiebu? Fejn hi l-motivazzjoni li nsiru bħal atleti barranin u nikkompetu magħhom ras imb’ras f’kompetizzjoni­jiet ta’ livell għoli?

X’inhuma s-sagrifiċċji li tagħmel int biex tirnexxi personalment?

L-għawm jirrikjedi ħafna sagrifiċċji u tassew jieħu  ħafna minn ħajti. L-impenn tiegħi lejn l-isport ifisser li nitlef il-festi, il-ħruġ mal-ħbieb u l-avvenimenti soċjali tal-iskola peress li jkolli nqum kmieni ħafna filgħodu għas-sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħi. 

Wieħed irid iqis ukoll il-mistrieħ bħala parti mill- irkupru tiegħi, għalhekk, dan jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat fl-attività tiegħi ta’ kuljum. 

Madankollu nistqarr li s-sodisfazzjon meta nis­piċċa tellieqa, intejjeb il-ħin personali tiegħi jew nikser rekord u nagħmel lil Malta kburija … żgur li jiswa li jien nagħmel dawn is-sagrifiċċji kollha!

Kemm issib għajnuna mill-ġenituri tiegħek?

Il-ġenituri tiegħi żgur li huma l-akbar partitarji tie­għi. Kieku ma kienx għall- ġenituri tiegħi, ma kontx inkun fejn jien illum. Dej­jem jgħinuni b’kull mod possibbli u jippruvaw      isibu mezzi kif nista’ ntej­jeb il-wirjiet tiegħi. Jien grata ħafna lejhom.

Kemm jgħinek l-għawm fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum?

Fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, nista’ ngħid li l- għawm huwa ta’ għajnuna kbira għalija. Jagħmilni persuna aktar responsabbli u dixxiplinata u żgur li jgħin ħafna fis-saħħa mentali u fiżika tiegħi.

Kif qed tarah il-futur tie­għek f’dan l-isport?

Ovvjament, ma nistax inbassar il-futur. Kulma nista’ ngħid hu li jien determinata ħafna u mpenjata li nilħaq il-miri tiegħi u se nibqa’ naħdem ħafna għalihom.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil min bħalek jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-għawm?

Messaġġ żgħir lill-għawwiema kollha li qed jippruvaw isegwu karriera fl-għawm huwa li qatt m’għan­dhom jaqtgħu qalbhom. 

Issib nies jippruvaw jiddemoralizzawk u jgħidu­lek li m’intix tajjeb biżżej­jed. Se tiltaqa’ ma’ ostakli kbar li trid tkun b’saħħtek biżżejjed biex tegħlibhom.

Mill-esperjenza personali, trid biss iżżomm rasek ‘il fuq u dejjem iżżomm sa­qajk mal-art, tkompli timbotta sakemm fl-aħħar til­ħaq l-għan aħħari tiegħek għax … is-sagrifiċċji li nagħ­mlu … jegħlbu kollox.

Ekonomija

Sport