Thursday, November 14, 2024

Intervista mal-leġġendarju ta’ Napoli … Alessandro Renica

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Alessandro Renica twie­led f’Anneville-sur-Mer, fi Franza fil-15 ta’ Settembru 1962 u llum għandu 59 sena. Huwa ex difensur ma’ diversi timijiet Taljani fosthom Lanerossi Vicenza, Sampdoria, Napoli u Hellas Verona. 

L-aħjar tal-karriera tie­għu għamilha ma’ Napoli tant li kien membru tal-Partenopei li rebaħ bosta unuri bejn l-1985 u l- 1991.

Wieħed jista’ jsejjaħ lil Renica bħala player versatili fejn mhux biss lagħab bħala difensur iżda f’xi mument kien anke jokkupa r-rwol ta’ sweeper. 

Ma’ Lanerossi Vicenza rebaħ il-Coppa Italia tas- Serie C filwaqt li l-Coppa Italia l-proprja rebaħha ma’ Sampdoria.

Minkejja kollox, l-aqwa suċċessi kisibhom ma’ Napoli meta rebaħ darbtejn il- kampjonat (1986-87, 1989-90), il-Coppa Italia (1986-87), is-Super Cup (1990) u t-Tazza UEFA (1988-89)

Renica jaf sew u lagħab ma’ Diego Armando Maradona, leġġenda Arġentina li ħalla din id-dinja riċentement.

Meta rtira mil-logħba tal-football mexxa diversi timijiet mhux daqstant rinomati fosthom Chioggia u USD Grumellese.

Ftit tal-ġranet ilu, Alessandro Renica kien f’Malta flimkien ma’ Antonio Ca­rannante bħala mistiedna ta’ Napoli Club Malta. Dan il-ġurnal tkellem ma’ Renica li deher ferm kuntent jaqsam il-ħsibijiet tiegħu dwar Napoli tal-passat u dak tal-preżent.

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Bħal kull tifel li twieled f’dak iż-żmien, il-football kien parti minn ħajtu. Konna nilagħbu fit-toroq tal-belt u fil-bitħa tal-iskola u ma konna niddejqu qatt.

Dak iż-żmien ma kellniex coaches u kellna l-libertá li nesprimu ruħna bil-logħob tal-football. 

Illum il-ġurnata nsejjaħ dan kollu bħala arti għax hemm players li jitwieldu bħal fil-każ ta’ Diego Armando Maradona li kellu xi ħaġa speċjali ferm aktar mill-oħrajn. 

Jien inqis ruħi fortunat li ltqajt ma’ diversi players tajbin u li tgħallimt ħafna mingħandhom. Inqis din il-karriera bħala triq li bdejt­ha u spiċċajtha bl-aqwa mod possibbli. Ma nista’ ninsa qatt iż-żmien tiegħi ma’ Napoli fejn stajt induq sew is-suċċess li kiseb dan il-club glorjuż.

Semmejt lil Diego Armando Maradona. X’tifta­kar minn dan il-player fe­nomenu ma’ Napoli?

Diego Armando Maradona hu alla fil-veru sens tal-kelma. 

Kien player fenomenali li paxxa lil kull min rah jilgħab. Kif għedtlek jien kelli x-xorti li nilgħab miegħu u dejjem kont nitgħallem xi ħaġa mingħandu. Il-kontroll tiegħu tal- ballun, id-dribbling kontra l-avversarji kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Diffiċli tipparaguna lil Maradona. Nemmen li wieħed bħalu mhux se jerġa’ jkun hawn.

Kif kienet tkun l-atmosfera fi Stadio San Paolo fis-snin 80 u 90?

Kull team li kien jiġi jilgħab fi Stadio San Paolo kien ikun xi ftit beżgħan għax id-90,000 spettatur li kien jimla kull rokna tal-ground kien ikun it-12-il player tagħna. 

Niftakar waħda mil- logħbiet li baqgħet memorabbli. Kien il-15 ta’ Marzu 1989 meta kellna nilagħbu t-tieni leg tal-kwarti tal-finali tat-Tazza UEFA kontra Juventus.

Fl-ewwel leg konna tlifna 2-0 f’Turin u għalhekk kellna bżonn miraklu biex ngħaddu għar-round li kien imiss. Dakinhar dan il-miraklu kien verament seħħ għax fi Stadio San Paolo konna rbaħna 3-0 sabiex qlibna r-riżultat u għaddejna għas-semi-finali ta’ din il-kompetizzjoni

Minn hemm bqajna għaddejjin u saħansitra rbaħna din it-tazza għall- ewwel darba fl-istorja tagħna. Kien l-appoġġ tal-pubbliku li dejjem kien magħ­na u li għenna ħafna sabiex wettaqna t-tragwardi tagħna. 

Kif tara lil Napoli bħala team illum il-ġurnata?

Ovvjament għadni nsegwi x’qed jiġri llum il-ġurnata. B’xorti ħażina din is-sena ma tantx konna fortunati f’xi mumenti apparti li kien hemm ċerti riżultati li tefgħuna lura fit-taq­tiegħa għall-unuri. 

Kellna l-ewwel parti tal-istaġun li kienet waħda tajba ħafna fejn irbaħna anke xi konfronti diretti iżda mbagħad tlifna l-punti kontra timijiet li fuq il-karta kellna nirbħulhom.

Madankollu nemmen li Milan rebħu dan il-kampjonat b’mod meritat aktar u aktar meta Inter fallew il-punti b’mod sorprendenti meta kienu favoriti.

Bħala Napoli, dej­jem resqu viċin f’dawn l-aħħar snin iżda qatt ma kienu sfidanti denji sal-aħħar. Ix-xewqa tiegħi hi dik li nerġa’ nara lit-team jgħolli xi tazza partikolarment dik tal- kampjonat Taljan. 

Kif rajtu jinbidel il-football minn żmienek għal-lum il-ġurnata?

Nista’ ngħid li l-football inbidel mil-lejl għan-nhar. Fi żmieni kien hemm dak il-player individwali. 

Juventus kellhom lil Michel Platini, aħna kellna lil Diego Armando Maradona, Fiorentina kellhom lil Roberto Baggio u Udinese kellhom lil Zico.

Kienu players kapaċi jsolvulek logħba waħedhom b’xi maġija minn tagħ­hom. Kienu dribblers taj­bin u anke jagħtu free-kicks mill-isbaħ.

Dawn il-players individwali spiċċaw għax il-football illum il-ġurnata hu iktar tattiku u l-coaches qed jieħduh bħala xjenza fil-veru sens tal-kelma. 

Huwa għalhekk li żdie­du diversi logħbiet li jis­piċċaw 0-0 filwaqt li llum issib iktar kollettiv milli dak il-plejer individwali. Dan kollu ġab rivoluzzjoni fid-dinja tal-football.

Irrid ngħid ukoll li anke fi żmieni kien hemm diversi players u anke coaches wettqu xi tip ta’ rivoluzzjoni f’dan l-isport. 

Insemmi l-famuż Total Football li kienu jilagħbu bih l-Olandiżi ta’ Johan Cruijff, il Catenaccio ta’ diversi coaches Taljani, l-istil pragmatiku ta’ Arrigo Sacchi speċjalment fis-snin kemm dam imexxi lit-team nazzjonali Taljan u anke goalkeepers avventurużi bħal Jorge Campos tal- Messiku, Rene Higuita tal- Kolombja u Bruce Grobelaar taż-Zimbabwe.

Dawn ukoll kienu ri­voluzzjoni fi żmienna għalkemm illum kulħadd jitkellem fuq Lione Messi, Cristiano Ronaldo u Kylian Mbappe li wkoll għandhom il-potenzjal tagħhom.

Nixtieqek twassal messaġġ lill-partitarji Maltin ta’ Napoli.

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lil Napoli Club Malta tal-merħba verament sabiħa li tawna f’Malta.

Kemm jien kif ukoll Antonio Carannante konna milqugħin bħal eroj u dan il-ħsieb jimlini b’ħafna ferħ. 

Fl-istess waqt nemmen li għad jiġu żminijiet sbieħ lejn Napoli u xi darba għad jirnexxielna ngħollu xi tazza Ewropea jew inkella tal-kampjonat. 

Il-players u l-materjal qegħdin hemm, huwa biss kemm id-diriġenza jirnex­xielha twettaq kontinwitá u konsistenza sabiex tibda u tkompli proġett minflok ħafna tibdil. Nittamaw fil- pożittiv!

Ekonomija

Sport