Alessandro Velotto twieled fil-belt Taljana ta’ Napoli nhar it-12 ta’ Frar 1995 u għandu 26 sena. Huwa jilgħab il-waterpolo ma’ Pro Recco, wieħed mill-aqwa timijiet mhux biss fl-Italja iżda wkoll fid-dinja. Ix-xorti mill-ewwel daħkitlu hekk kif fl-ewwel sena ma’ dan it-team Taljan, irnexxielu jirbaħ iċ-Champions League kif ukoll il-Coppa Italia.
Il-pożizzjoni favorita ta’ Velotto hi fin-nofs tal-pixxina fejn xogħlu hu li jgħaqqad id-difiża mal-attakk filwaqt li meta jsib iċ-ċans jipprova jiskorja hu wkoll. Fl-istess waqt kellu xi mumenti fil-karriera tiegħu fejn beda jilgħab ta’ difensur ukoll.
Velotto hu wkoll membru attiv mat-team nazzjonali Taljan immexxi minn Sandro Campagna. Huwa lagħab 105 darbiet mat-team imsejjaħ Il Settebello u magħhom rebaħ diversi unuri prestiġjużi internazzjonalment.
Fis-sena 2014 flimkien mat-team tiegħu kiseb il- midalja tal-bronż, fil-Kampjonati Ewropew li sar f’Budapest filwaqt li fl-2019 mar aktar minn hekk minħabba s-suċċess li kisbu fit-Tazza tad-Dinja li saret fi Gwangju fl-2019.
Velotto ilu jilgħab mat-team nazzjonali ta’ pajjiżu għal dawn l-aħħar 11-il sena fejn kien anke involut mat-timijiet taż-żgħażagħ u fejn anke hemm rebaħ diversi unuri ferm prestiġjużi.
Ftit tax-xhur Velotto rnexxielu jiggradwa għal avukat f’mument xejn feliċi minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Minkejja kollox, kif stqarr huwa stess, waqt il-mumenti ta’ studju qatt ma ħaseb li jabbanduna s-sessjonijiet ta’ taħriġ, anzi rnexxielu jattendihom kollha.
Velotto jirraġuna li l-waterpolo huwa passjoni kbira għalih u jmur lil hinn minn sempliċement sport. Huwa jqis din id-dixxiplina bħala parti kbira minn ħajtu li mingħajrha jħossu vojt.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Bdejt meta kelli disa’ snin, l-ewwel bħala għawwiem u aktar tard iddeċidejt li naqbad il-waterpolo. L-ilma partikolarment dak tal-pixxina kien jaffaxxinani wisq. Fil-veritá ma tantx kont naf ħafna fuq il-waterpolo, ir-regoli ma tantx kont insegwihom u kont naħseb li kemm tixxuttja u tixħet il-ballun fix-xibka. Minkejja kollox kien hemm regoli partikolari li bilfors ridt insegwihom.
Meta bdejt nitħarreġ ma’ team minn Napli, mill-ewwel ħassejt ċerta mħabba lejn dan l-isport. L-iktar ħaġa li għoġbitni ta’ tifel żgħir kienet li kont qed nilgħab bil-ballun fl-ilma.
Minn dak iż-żmien qatt ma ħarist lura u komplejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’dan l-isport. Wara seba’ snin ma’ Canottieri Napoli, fl-2018 ġejt akkwistat minn Pro Recco, wieħed mit-timijiet ewlenin fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja u l-karriera tiegħi kompliet tikseb aktar prestiġju.
Tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Pro Recco?
Meta ssemmi lil Pro Recco, bla dubju, jiġuk f’moħħok players tal-waterpolo li kif jgħidu huma l-krema ta’ dan l-isport tant sabiħ. Qed ngħix mumenti sbieħ ma’ dan it-team u nitħarreġ bl-akbar entużjażmu possibbli.
Naf li fis-sessjonijiet ta’ taħriġ irrid nagħti l-aqwa tiegħi minħabba li hemm kompetizzjoni kbira għall-post fl-ewwel sebgħa tat-team.
Kull player hu kompetittiv u għalhekk il-coach għandu diffikultá kbira lil min se jħalli barra mill-ewwel sebgħa.
M’hemmx xi ngħidu, ma’ dan it-team irbaħt kollox u b’mod partikolari ċ-Champions League kien objettiv importanti li rnexxielna nilħquh fl-istaġun li għadda.
Kif tħossok il-fatt li int qed tilgħab ma’ team li huwa champion tal-Ewropa?
Kif għedtlek, il-fatt li rbaħna l-iktar kompetizzjoni prestiġjuża fl-Ewropa, kien objettiv li rnexxielna nilħqu bl-akbar suċċess. Ħdimna ħafna għal din il-ħolma u għalija kien mument importanti fil-karriera tiegħi speċjalment meta tilgħab kontra avversarji ta’ kalibru għoli ħafna. Kelli emozzjonijiet pożittivi ferm li diffiċli ninsihom.
Madankollu kontu xi ftit diżappuntati li ma rbaħtux il-kampjonat hux hekk?
Iva hekk hu. Konna xi ftit diżappuntati li ma rbaħniex il-kampjonat speċjalment li m’għarafniex inkunu konsistenti mar-rivali tagħna AN Brescia li spiċċaw bħala champions.
Fil-finali minn erbgħa li tlifna 11-10 konna qrib ħafna tal-avversarji tagħna iżda sforz xi żbalji difensivi huma approfittaw.
Kellna sfida tajba fis-Serie A1 anke minn Savona u Telimar Palermo li spiċċaw fit-tielet u r-raba’ post rispettivament. Nista’ ngħidlek li kien staġun ferm kumbattut.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-coach Sandro Sukno?
Sukno hu coach li wieħed għad irid isir jafu sew. Nemmen li se jikseb suċċess magħna.
Huwa għadu relattivament żgħir peress li għad għandu 31 sena għalkemm kif nafu kellu jirtira fl-etá ta’ 29 sena minħabba problemi f’qalbu. Huwa għandu esperjenza kbira bħala player hekk kif rebaħ diversi midalji fosthom dik tad-deheb fil-Logħob Olimpiku ta’ Londra 2012, tal-fidda f’Rio 2016 u ħames midalji oħra fil-Kampjonati Dinjija.
Huwa kien anke player ma’ Pro Recco u għalhekk se jkun qed jirritorna mat-team li kien miegħu.
M’hemmx dubju li l- ambjent hawnhekk jafu sew. Huwa saħansitra rebaħ iċ-Champions League lura għas-sena 2012 .
Kemm huwa importanti li player tal-waterpolo ikun ukoll għawwiem tajjeb?
Naħseb li llum il-ġurnata aktar minn qatt qabel sar importanti wisq li tkun għawwiem tajjeb.
Ma ninsewx li l-logħba tal-waterpolo saret veloċi bir-regoli l-ġodda li ġew introdotti riċentement.
Il-player irid jgħum mar-ritmu tal-logħba u l-azzjoni offensiva trid tispiċċa malajr. Dan ifisser aktar għawm veloċi u kordinazzjoni kbira.
X’taħseb dwar il-Gżejjer Maltin? Ġieli ġiek ħsieb li tiġi tilgħab f’Malta waqt il-kampjonat tas-sajf?
Minn dejjem smajt dwar il-kampjonat tas-sajf li jsir f’Malta u dwar kemm il-partitarji jagħtu l-appoġġ lill-players tagħhom.
Rigward il-mistoqsija tiegħek jekk nixtieqx nilgħab fil-Gżejjer Maltin jew le, jien qatt ma ngħid le u sfida nidħlilha sew jien.
Taħseb li għandkom team b’saħħtu biżżejjed sabiex tirbħu l-kampjonat u forsi wkoll il-LEN Champions League?
Jien nemmen li jekk nagħmlu moħħna hemm, kapaċi nirbħu kollox. Aħna rridu nkunu ffukati u nitgħallmu mill-iżbalji tas-sena l-oħra biex nerġgħu nsiru champions tal-Italja apparti li nżommu t-titlu taċ-Champions League.
X’tikkummenta dwar l- esperjenza tiegħek mat-team nazzjonali Taljan?
It-team nazzjonali Taljan huwa ferm għal qalbi. Hu dejjem ta’ unur li nirrappreżenta lil pajjiżi. Aħna dejjem inkunu hemm sabiex nirbħu l-unuri prinċipali fuq livell internazzjonali.
Minkejja kollox, ix-xorti mhux dejjem tidħkilna bħal fil-każ tal-aħħar Olimpjadi li saru fil-Ġappun. Onestament stajna morna aħjar f’dak it-tornew iżda kif jgħidu x-xorti mhux dejjem tidħaklek.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-coach tat-team nazzjonali Taljan Sandro Campagna?
Il-coach tat-team nazzjonali Taljan, Sandro Campagna, huwa wieħed mill-aqwa coaches fid-dinja għalija. Jaf imur sew mal-players u rnexxielu jdaħħal sens ta’ familja fi ħdan it-team. Aħna nilagħbu ferm għal qalbna miegħu, jien narah bħala motivatur u kapaċi jitlob dik id-daqsxejn aktar mingħand kull player.
Naf li int riċentement gradwajt fil-kors tal-liġi. Kif għażilt din il-professjoni?
Minn dejjem kien jogħġobni l-kors tal-liġi u kelli xewqa kbira li nistudja għal avukat.
Fil-veritá ridt naħseb ukoll għ2all-futur għax jien meta nieqaf mill-waterpolo, xi ħaġa rrid nagħmel. Nista’ ngħidlek li rnexxieli namalgama sew l-istudji tiegħi mal-logħba tal-waterpolo minħabba li kont norganizza sew il-ħin tiegħi.
Meta kien jasal ħin it-taħriġ, wiċċi kien jixgħel minħabba li kelli ċ-ċans li naqta’ ftit mir-rutina tal-istudji speċjalment fl-aħħar xhur li kienu ferm intensivi.
Kif qed tarah il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Għalissa nixtieq inkompli nilgħab għax inħossni komdu f’dan l-ambjent.
Għad għandi 26 sena u kapaċi nagħti aktar snin f’dan l-isport u ngħin mhux biss lit-team nazzjonali Taljan iżda wkoll lil Pro Recco.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu karriera fil-waterpolo.
Il-waterpolo għalija huwa stil ta’ ħajja li jgħallmek sew id-dixxiplina, is-sens ta’ grupp u fuq kollox kif tiddeverti.
Importanti li meta tilgħab, tieħu pjaċir mingħajr ma jkun hemm pressjoni żejda għax dan jista’ jaffettwa l-logħob tiegħi.
Madankollu nistieden lit-tfal u ż-żgħażagħ jippruvaw il-waterpolo għax jagħtihom ħafna sodisfazzjon u jgħallimhom jimmaturaw.