Friday, May 3, 2024

Tħassib li pjan tal-Gvern Ingliż inawwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Irlanda ta’ Fuq

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, f’ittra li bagħtet lis-Segretarju tal-Istat għall-Irlanda ta’ Fuq, wissiet li l-pjan li għandu l-Gvern Ingliż dwar il-legat tal-problemi u l-inkwiet li kien hemm fl-Irlanda ta’ Fuq, jista’ jnawwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jimmina l-possibiltajiet li ssir ġustizzja mal-vittmi u l-familja tagħhom.

Fl-ittra tagħha, il-Kummissarju Dunja Mijatovic sostniet li jekk il-pjan li għandu l-Gvern Brittaniku jkun adottat u jidħol fis-seħħ mhux biss se jwassal għal impunita imma wkoll inawwar il-bażi li fuqha hija mibnija l-ġustizzja.

Skont il-Kunsill tal-Ewropa, il-pjan li għandu l-Gvern Brittaniku se jeqred għalkollox l-attività ġudizzjarja fir-rigward ta’ każi kriminali u ċivili kif ukoll tal-inkjesti.

Il-Kummissarju Mitjatovic innutat ukoll illi l-istess pjan ma jwassalx għat-twettieq bis-serjetà tal-obbligi li għandu l-Gvern tar-Renju Unit taħt il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward ta’ investigazzjonijiet effettivi f’każi ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

Hija kompliet issostni illi l-ġustifikazzjoni għat-twettieq ta’ dan il-pjan minn banda hija mibnija fuq dikotomija żbaljata bejn l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni u minn banda oħra bejn il-verità u r-rikonċiljazzjoni.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem saħqet ukoll bil-qawwi illi l-impunita u n-nuqqas ta’ ġustizzja jimpedixxu serjament il-kisba ta’ paċi dejjiema u r-rikonċiljazzjoni billi jimminaw il-fiduċja meħtieġa fil-kisba tal-verità effettiva u r-rikonċiljazzjoni.

Sport