Monday, December 23, 2024

Intervista mat-tiratura Eleanor Bezzina

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isparar u speċjalment id-dixxiplina li int tipprattika – l-air pistol?

Bdiet b’kumbinazzjoni għax jien ġejja minn background ta’ sport differenti, fosthom in-netball u l-waterpolo. Kumbinazzjoni kont mort nara dan l-isport, u tħajjart biex nibda nipprattikah. Minn hemmhekk kont tkellimt ma’ Lawrence Darmanin, ekspresident tal-Malta Air Rifle & Pistol Shooting Club u kien hu li ħeġġiġni bis-sħiħ biex nibda. Prattikament bdejt mis-Sajf tal-2009 u minn hemmhekk qatt ma ħarist lura.

Irrakkontalna l-esperjenza tiegħek fin-Netball.

Huwa sport totalment differenti mill-air pistol shooting, partikolarment minħabba l-fatt li huwa sport kollettiv u mhux individwali. Barra minnhekk, huwa sport li jibbaża fuq is-saħħa wkoll. Domt nilgħabu għal madwar 19 il sena, fejn anke rrappreżentajt lit-team nazzjonali ta’ Malta.

U dik fil-Waterpolo….

Jien persuna li nħobb il-baħar, jiġifieri kienet naturali għalija li nagħmel xi ħaġa simili. Fis-sena 2000 kien rega’ ingħaqad t-team tan-nisa ta’ San Ġiljan, sabiex ħadna sehem fil-kampjonat tan-nisa għal tliet snin.

Kif bdejt tipprattika l-isparar wara dawn l-isports?

Bdejt nipprattikah fl-2009, fejn sena wara kont irrappreżentajt lil Malta fil-Commonwealth Games ġewwa l-Indja. Ipparteċipajt anke fil-Welsh Open Championships, fejn irbaħt midalja tal-fidda u tal-bronż. Minkejja li bdejt ta’ età pjuttost kbira, 31 sena, xorta waħda rnexxieli navvanza f’dan l-isport, fejn saħansitra irbaħt 2midalji tad-deheb u oħra tal-fidda fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

            Dan l-isport kif jgħinek psikoloġikament?

            Kull sport jgħinek kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament.  Id-dixxiplina li fih l-       isport in ġenerali jgħinek tkun persuna li tirrispetta lil ħaddieħor u tkun kapaċi taħdem    fl-ambjent ta’ tim u dejjem tipprova tagħti l-almu tiegħek f’kull ma tagħmel.  Dan l-         isport jispikka il-fatt li trid iżomm konċentrazzjoni u kontroll tiegħek innifsek fejn din         tkun ta’ effett tajba għall-ħajja ta’ kuljum.

Kif jirnexxielek tqassam u ssib bilanċ bejn ix-xogħol u t-taħriġ?

Mhux ħaġa faċli, għaliex it-taħriġ tal-isparar trid tkun ikkonċentrata fuqu, jiġifieri prattikament wara li nlesti mix-xogħol, irrid naqleb għall-konċentrazzjoni massima biss fuq it-taħriġ.

Irrakkonta l-esperjenza tiegħek bħala Flag Bearer‘ waqt l-Olimpjadi ta’ Tokjo, b’din ma tkunx l-ewwel darba għalik li ġarrejt il-bandiera Maltija għax diġá kont għamilt dan kemm waqt il-Loghob tal-Mediterran tal-2013 fit-Turkija, fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Iżlanda fl-2015 u kif ukoll fil-Logħob Ewropej fl-2019 ġewwa Minsk.

Kollha huma esperjenzi sbieħ u ta’ unur.  Meta jkollok il-bandiera f’idejk tkun qiegħda tirrapreżenta lill-kontinġent kollu fosthom lill-atleti kollegi tiegħek u anke l-pajjiżek wara kollox.

X’tikkummenta fuq il-Bidnija Shooting Range fejn int tagħmel it-taħriġ tiegħek?

Il-Bidnija Shooting Range nipprattikaw 10m air Pistol, fejn din is-sena ġie attrezzat bi 8 targets elettroniċi biex it-tiraturi ikunu fl-istess metodu ta’ taħriġ bħal ta’ barra minn xtutna.   

X’inhi d-differenza bejn it-10 Metre Indoor u t-25 Metre Outdoor?

Fl-avveniment tal-indoor, tintuża l-Air Pistol fejn  taħdem bl-arja u biċ-ċomb, jissejħu pellets tal-4.5mm. Tiratur jispara minn distanza ta’ 10m u f’kompetizzjoni irid jispara 60 tir f’ħin ta’ siegħa u 15-il minuta. Min-naħa l-oħra, fl-outdoor tintuża pistola differenti fejn jintużaw bullets .22.  It-tiratur jispara f’distanza ta’ 25m  u fil-kompetizzjoni t-tiratur irid jispara 30 tir għall-precision u 30 tir rapid.

Ninsab konxju mill-fatt li huma tassew ftit in-nisa f’pajjiżna li jipprattikaw dan l-isport. Nitolbok ittina iktar dettlaji rigward dan, waqt li tħeġġeġ iktar nisa biex jibdew jipprattikaw dan l-isport.

Lokalment, kulma qegħdin erba’ nisa f’dan l-isport, iżda barra minn xtutna, imma meta nkun f’kompetizzjoni internazzjonali inkunu ‘l fuq minn 100 tiratriċi. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jitla’ l-Bidnija Shooting Range biex hemmhekk jipprova dan l-isport – ma nagħmilx distinzjoni bejn irġiel u nisa.    Għalkemm forsi l-isparar huwa iktar meqjus bħala sport tal-irġiel, dan żgur li m’huwiex il-każ.  Kull min irid jipprova dan l-isport, il-club ‘Malta Air Rifle and Pistol Shooting Club (MARPSC)’, jinsab miftuħ għal kulħadd.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek fl-Olimpajdi ta’ Tokjo?

Nista’ ngħid li jien kburija li kont parti mill-Olimpjadi 2020 f’Tokyo. Huwa dejjem unur li nikkompeti f’dawn il-logħob ta’ livell għoli, għax tkun imdawwar b’atleti dedikati u l-uniku interess ikun l-isport.

Tista’ tqabbel l-esperjenza tiegħek fl-Olimpjadi ta’ Tokjo ma’ dawk f’Rio?

Naħseb li mhuwiex ġust li tqabbel Rio 2016 ma’ Tokjo 2020 peress li kien hemm l-effett tal-pandemija. Rio 2016 kellna l-ispettaturi u mhux stadia vojta. F’Rio kellna l-opportunità li nsegwu sport ieħor, nappoġġjaw lil sħabna tat-team u nifirħu mar-rebbieħa fost oħrajn. F’Tokjo kellna nieħdu l-miżuri kollha biex ikollna l-inqas kuntatti possibbli bejnietna l-atleti u ma’ oħrajn. Iżda grazzi għall-IOC u l-Ġappun l-Olimpjadi ġew organizzati u stajna nikkompetu f’ambjent sigur. Fl-aħħar mill-aħħar l-importanti hu li l-logħob seħħew u ma ġewx ikkanċellati.

X’tikkummenta fuq il-prestazzjoni li kellek matul l-Olimpjadi?

Rigward il-prestazzjoni tiegħi, kif diġà ddikjarajt li ma kontx sodisfatta peress li naf li stajt nikseb riżultati aħjar imma żgur li tajt l-almu kollu tiegħi. Aċċettajt ir-riżultati tiegħi u nħares ‘il quddiem għal kompetizzjonijiet oħra. Nemmen li kull kompetizzjoni għandha l-istorja tagħha..

Kif qed tħares lejn il-ġimgħat li ġejjin?

Il-ġimgħat li ġejjin se jkunu perjodu ta’ mistrieħ, imbagħad jerġa’ jibda t-taħriġ biex nipprepara għall-istaġun li ġej, bit-tama li kompetizzjonijiet lokalment u internazzjonalment ikunu jistgħu jibdew u jkomplu bla xkiel. 

U lejn il-futur iktar imbiegħed?

Jien se nkompli nittrenja bħas-soltu u dejjem nagħmel l-almu tiegħi biex nitjieb f’din id-dixxiplina u nibqa’ naħdem biex nipprova inġib iktar unuri lejn pajjiżna. F’kull       sessjoni tat-taħriġ dejjem se ssib fuq xhiex taħdem u tirranġa kemm fit-teknika kif ukoll mill-att ta’ prestazzjoni għal waqt kompetizzjoni.  Inħossni li nittrenja kemm   nittrenja qatt mhu biżżejjed speċjalment fi sport bħal dan li kemm jista’ jkun trid issib il-perfezzjoni.

Ekonomija

Sport