Raġel sofra xi ġrieħi wara li aktar kmieni għall-ħabta tal-5:00 a.m kien involut f’inċident stradali li seħħ fi Triq ix-Xatt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel ta’ 54 sena residenti s-Swieqi ntlaqat minn vettura tat-Tip Mercedes Benz. Dan seħħ wara li r-raġel niżel mill-vettura biex jiċċekkja dwar xi parkeġġ. Għal xi raġuni l-vettura mxiet, laqtet lir-raġel, ħabtet f’xi vetturi oħra li kienu pparkjati fl-istess triq u baqgħet dieħla f’railing li hemm mal-ġenb.
Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li assista lir-raġel sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
S’issa l-kundizzjoni tiegħu għadha mhix magħrufa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
Fil-post hemm uffiċjali li qegħdin jiddevjaw it-traffiku sakemm isiru dawn l-investigazzjonijiet u tkun magħrufa l-kundizzjoni tar-raġel.